Jgħinu nies bla dar minħabba s-sħana tremenda

Raġel jorqgħod fuq it-taraġ ta' palazz f'Ruma

Hekk kif mewġa qawwija ta’ sħana qed taħkem l-Italja, għaqdiet kattoliċi tal-karità f’Ruma qed jitħabtu biex jgħinu lil numru dejjem akbar ta’ nies li ma għandhomx saqaf fuq rashom, mir-riskji u l-periklu ta’ dan il-fenomenu.

Is-sitwazzjoni f’Ruma hi kritika u l-postijiet fid-djar tal-kenn qed jonqsu.  Carlo Santoro li jmexxi kċina għal dawk bla dar organizzata mill-Komunità ta’ San Egidio qal li s-sitwazzjoni hi kritika ħafna u jinsabu nkwetati ħafna.

In-nies bla saqaf fuq rashom f’Ruma mdorrija jkampaw f’sitwazzjonijiet diffiċli.  Wieħed jista’ jarahom imkebba fuq xi bank jew f’xi sqaq, ifittxu xi ftit tad-dell.  Iżda t-temperaturi għolja ta’ dawn l-aħħar jiem li laqtu l-Italja qed joffru theddida ġdida. Barra mis-sħana wieħed irid iqis ukoll l-inkwinament li hemm f’Ruma li jpoġġu periklu għal dawk l-aktar vulnerabbli, inkluż dawk li qed jgħixu fit-toroq.

Is-sħana estrema tista’ tkun perikoluża daqs il-kesħa.  Bejn l-2005 u l-2016 aktar minn 23,000 persuna mietu fl-Italja minħabba sħana kbira. Mis-sena 2000 ‘l hawn f’Ruma biss mietu 7,700 minħabba s-sħana.

Matul Awwissu l-għaqdiet kattoliċi qed jippruvaw jgħinu lill-akbar numru possibbli ta’  persuni vulnerabbli fosthom dawk bla dar, immigranti u oħrajn li huma esposti għax-xemx tiżreġ.

F’Ruma hemm bejn 10,000 u 15,000 persuna li ma għandhomx dar fejn jgħixu. Postijiet fi djar tal-kenn joffru ftit aktar minn 300 sodda.  Il-bqija jridu jdabbru rashom fit-toroq. Il-Caritas u l-Komunità ta’ San Egidio joffru lil dawn in-nies ikel matul ix-xhur tas-sajf.

Il-Papa Franġisku għamel il-ħarsien u l-kura tal-fqar bħala ħidma ewlenija tal-Pontifikat tiegħu. F’diversi okkażżjonijiet kiel ma’ dawk li ma għandhomx dar fejn joqogħdu u ħoloq “Il-Ġurnata Dinjija tal-Foqra”. Tul is-snin li ilu Papa n-numru ta’ inizjattivi favur il-foqra f’Ruma mmultiplikaw u jvarjaw minn ħarġiet ta’ divertiment għal servizz ta’ barbier fit-toroq għal dawk bla dar.