Karin Grech: “M’hemm ebda dokument mitluf”

Il-Kummissarju tal-Pulizija, l-Avukat Ġenerali u d-Direttur Ġenerali tal-Qrati tal-Ġustizzja sostnew li mhux vera ntilfet xi evidenza ewlenija mill-każ tal-assassinju ta’ Karin Grech.
Huma argumentaw bi tweġiba lill-Qorti li s-suspetti huma infondati.
Il-ġimgħa l-oħra l-familja ta’ Karin qalet li se żżomm lil dawn il-persuni responsabbli għax skonthom kienet għebet evidenza foresnika kruċjali.
Fi protest ġudizzjarju, il-ġenituri ta’ Karin, Edwin u Pearl, flimkien ma’ binhom Kevin, stqarrew li ntilfu partijiet mill-envelopp li kellu fih l-isplussiv li qatel lil binthom fl-1977.
Il-familja taż-żagħżugħa argumentaw li l-biċċiet mitlufa setgħu tefgħu dawl fuq dan l-assassinju bis-saħħa ta’ teknoloġija forensika ġdida li ġiet żviluppata tul dawn l-aħħar erbgħin sena.
Iżda llum dawn l-allegazzjonijiet ġew miċħuda mill-uffiċjali msemmija, u żiedu jgħidu li minn investigazzjonijiet li saru, dawn id-dokumenti għadhom fil-pussess tal-Maġistrat Inkwirenti.
Ara t-tweġiba bil-Malti għall-protest ġudizzjarju hawn taħt.