Kardinal Pollakk jiddefendi l-Qorti Suprema tal-pajjiż mir-riformi li jrid jagħmel il-Gvern

Għall-ewwel darba minn kemm ilha li bdiet il-kwestjoni fil-Polonja, fejn il-Gvern irid jagħmel riformi li fost oħrajn jolqtu l-Qorti Suprema tal-pajjiż, kardinal Pollakk ħareġ jiddefendi l-Qorti Suprema mill-attakki tal-Gvern.
“Ħadd ma kien jimmaġina li l-futur tal-Qorti Suprema u n-nies li jservu fiha se jkunu suġġetti għal tant tħassib u inċertezzi. Jien nittama li fl-aħħar l-għerf jirbaħ fuq kollox. Nitlob 'l Alla li ma jiġri xejn ħażin u li xejn mill-pedamenti tad-diviżjoni tal-poter li jservu lill-istat u lill-poplu, ma jiġu mheżża”, qal il-Kardinal Kazimierz Nycz ta’ Varsavja waqt omelija fil-Katidral tal-kapitali Pollakka.
Il-quddiesa saret biex tfakkar l-ewwel ċentinarju mit-twaqqif tal-Qorti Suprema Pollakka fl-1918 u għaliha attenda l-President tal-Qorti u mħallfin oħra.
Il-Kardinal Mycz qal li din il-Qorti, bla ma wieħed kien jistenna, sabet ruħha fiċ-ċentru ta’ “interess qawwi”.
Appella lill-Kattoliċi biex ikunu lesti biex kif għamlu martri oħra tal-Knisja ikunu kapaċi, lesti u b’saħħithom biex jiddefendu l-prinċipji tagħhom.
“Kultant ikollna nsofru biex insalvaw dak li għandu jkun salvat – f’dan il-każ il-missjoni tal-Qorti Suprema u l-indipendenza tagħha. Ħadd ma jista’ jeħdilha il-libertà tagħha u anqas il-koerenza tagħha li hi parti minn din il-libertà”, sostna l-Kardinal.
Il-Partit taċ-Ċentru-Lemin fil-Polonja, li jinsab fil-Gvern, irid jagħmel riformi radikali kemm fil-Qorti Suprema kif ukoll fil-Kunsill Ġuridiku Nazzjonali għax isostni li hemm bżonn jinbidlu l-imħallfin u l-uffiċjali biex ikun hemm aktar kontabilità.
Iżda l-abbozz sab protesti qawwija mill-Oppożizzjoni u anke mill-Unjoni Ewropea. 
Bħalissa r-riformi qed jerġgħu jkunu kkunsidrati, wara li l-President tal-pajjiż, Andrzej Duda, poġġa veto parzjali fuqhom.
Il-President tal-Qorti Suprema, l-Imħallef Malgorzata Gersdorf, għall-ewwel kien ikkritika s-silenzju tal-Knisja dwar dawn ir-riformi u qal li jekk isiru dawn kienu se jolqtu ħażin is-separazzjoni tal-poteri eżekuttivi, leġislattivi u ġudizzjarji fil-pajjiż.