Kardinal Niġerjan jirrifjuta t-tqarbin għall-Protestanti

It-tqarbin hu esklussivament għal Kattoliċi fi stat ta’ grazzja u mhux xi ħaġa li tinqasam bejn il-ħbieb bħal xi flickun birra jew biċċa kejk. Dan qalu l-Kardinal Niġerjan Francis Arnize li kien konsulent ewlieni ta’ żewġ papiet.
Sostna li kull pass biex jingħata aċċess għat-tqarbin lill-kattoliċi divorzjati li reġgħu żżewġu jew lil min mhux kattoliku iżda miżżewweġ ma’ kattoliku, ikun qed jisfida t-tagħlim tal-Knisja dwar l-Ewkaristija.
Il-Kardinal Arnize indika li ma jaqbilx mal-interpretazzjoni li xi wħud qed jagħtu lill-eżortazzjoni appostolika Amoris Laetitia, li jippermettu kattoliċi divorzjati u reġgħu żżewġu bla ma kisbu annullament tal-ewwel żwieġ, li jitqarbnu f’ċerti ċirkostanzi.
Il-kardinal li għandu 85 sena qal li dan it-tagħlim mhux aħna għamilnieh imma Kristu u aħna ma nistgħux inkunu aktar ħanina minn Kristu. Jekk xi ħadd għandu permess jibdel dan it-tagħlim għandu jurina dan il-permess u min iffirmah. “Anqas jekk jaqblu l-Isqfijiet kollha dan ma jista’ jsir”, sostna Arnize.
Dwar l-Ewkaristija qal li din mhix xi ħaġa li nistgħu naqsmu mal-ħbieb. Jekk il-Protestanti jridu jitqarbnu fi knejjes kattoliċi għandhom isiru Kattoliċi. “Il-quddiesa mhix servizz ekumeniku. Mhix laqgħa ta’ dawk li jemmnu fi Kristu imma ċelebrazzjoni tal-misteri ta’ Kristu li miet għalina fuq is-Salib li bidel il-ħobż f’ġismu u l-inbid f’demmu. Il-quddiesa hi ċelebrazzjoni tal-fidi f’komunità u min mhux membru ta’ dik il-komunità m’għandux postu”, insista l-Kardinal.
Dawn il-kummenti għamilhom b’riferenza għall-kontroversja li qamet bejn l-Isqfijiet fil-Ġermanja dwar it-tqarbin ta’ Protestanti miżżewġa nsara li jattendu fi knejjes kattoliċi ma’ żwieġhom u jkunu jixtiequ jitqarbnu.