Kardinal Niġerjan jgħid li t-tmexxija nazzjonali falliet

Mijiet ta' Niġerjani jissugraw ħajjithom biex ifittxu futur aħjar 'l hinn minn pajjiżhom

“Jekk tgħix f’pajjiż fejn iż-żgħażagħ jgħidulek li aħjar kienu qed jgħixu x’imkien ieħor, dak ifisser li t-tmexxija kollha tal-pajjiż, falliet”. Din l-akkuża għamilha l-Kardinal John Olorunfemi Onaiyekan, Arċisqof ta’ Abuja li hi l-kapitali tan-Niġerja, lejlet laqgħa tal-Isqfijiet lokali li ddiskutew il-kwestjoni tal-emigrazzjoni.

Il-Kardinal, b’mod apert akkuża lill-awtoritjiet Niġerjani li ħolqu kundizzjonijiet biex ħafna żgħażagħ qed ifittxu li jemigraw. “Kieku jien kont President ta’ pajjiż fejn iż-żgħażagħ jibqgħu jagħmlu dikjarazzjonijiet simili, ma kontx naħsibha darbtjen biex nirriżenja.  Niftakar sew meta kont għadni tifel tal-iskola, kont inħobb in-Niġerja u kont niddikjara dan bil-miftuħ, għax stajt norbot fuq Gvern li jieħu ħsiebi u kont nara futur sabiħ quddiemi.  Illum is-sitwazzjoni hi għal kollox il-kuntrarju”.

Futur aħjar f’pajjiżi oħra

“L-Awtoritajiet għandhom jagħmlu n-Niġerja id-dar tan-Niġerjani u l-istess jgħodd għal pajjiżi Afrikani oħra. Illum, tisma’ żgħażagħ Niġerjani jinsistu li f’pajjiżi oħra il-futur hu aħjar, anke meta dan mhux hekk”, filwaqt li rrifera għall-pjaga tat-tfajliet Niġerjani li qed jaħdmu bħala prostituti f’diversi pajjiżi Ewropej, partikolarment fl-Italja.

Mons. Onaiyekan qal li “nħossni nistħi meta nimxi fit-toroq ta’ Ruma, Milan jew Napli u nara tfajliet minn dan il-pajjiż, jinbiegħu fit-toroq. Nieqaf u kultant anke nsellem lil uħud minnhom, imma ma tistax taqbad konversazzjoni magħhom għax huma illitterati. Kull ma tagħallmu u kull ma jafu hu dak li għandhom bżonn jgħidu għax-xogħol tagħhom, il-prostituzzjoni. Jekk int imigrant illegali, ma għandek ebda drittijiet; u aktarx tkun manipulat u esplojtat.”

35% jixtiequ jemigraw

Skont l-Afrobarometer, 35 fil-mija tan-Niġerjani iridu jitilqu mill-pajjiż. 75% tan-Niġerjani li jixtiequ jemigraw, jagħmlu dan għal rapunijiet ekonomiċi fosthom il-qgħad,  il-faqar u t-tfittxija għal opportunitajiet aħjar.

Din ir-riċerka turi wkoll li l-aktar li jridu jemigraw huma dawk iż-żgħażagħ li għandhom livell ta’ edukazzjoni għoli. Madwar 44% tan-Niġerjani li għandhom xi degree, jixtiequ jitilqu mill-pajjiż u 80% tat-tobba jridu jemigraw.

Skont il-Kardinal Onaiyekan, biex is-sitwazzjoni fil-pajjiż tkun indirizzata kif jixraq “il-Gvern għandu jiżviluppa politika li tiġbed l-investiment barrani lejn il-pajjiż għax dan joħloq ix-xogħol. Dawk li jixtiequ jaħdmu għal rashom għandhom jingħataw għajnuna permezz ta’ għotjiet mill-Gvern biex jiftħu n-negozji tagħhom”.