Kardinal mill-pulmun tad-dinja

Barreto_Jimeno

Il-foresta tal-Amazon li taqsam tmien pajjiżi differenti tal-Amerika Latina, għall-Papa Franġisku saret prijoritaàtant li s-sena d-dieħla se jagħmel Sinodu għall-Isqfijiet ta’ din iż-żona.
Tant hu mħasseb dwar dan li fost il-Kardinali l-ġodda li se jaħtar hemm l-Isqof Pedro Barreto Jimeno tad-djoċesi ta’ Huancayo fil-Peru.
L-Isqof Barreto hu l-Viċi-President tan-Network Ekklesjastiku Pan-Amazonjan u l-President tal-Konferenza Episkopali tal-Peru.
Ir-reazzjoni tiegħu malli sar jaf li l-Papa kien se jagħtih il-berettin aħmar, kienet li “f’dan l-aħħar perjodu ta’ ħajti, din il-ħatra m’hix xi premju iżda sejħa biex nagħti aktar servizz lill-Knisja, lill-foqra u lill-Amazon.”
Barreto hu ġiżwita u se jkun l-ewwel kardinal Peruvjan li mhux l-Arċisqof tal-kapitali Lima.
Il-Caritas Ecuador, mal-aħbar tal-ħatra qalet  fi stqarrija li dan hu sinjal ieħor li r-reġjun tal-Amazonia “hu sors ta’ ħajja fil-qalb tal-Knisja” u li l-Papa għandu “tama kbira ta’ dak li tista’ toffri l-Knisja fl-Amazon”.
Is-Segretarju Eżekuttiv tan-Network Ekklesjastiku tal-Amazonia ddeskriva lill-Isqof Barreto bħala “profeta tal-ekoloġija integrali sa minn qabel l-enċiklika tal-Papa Franġisku dwar l-ambjent, “Laudato Si” u issa sar aktar”.
Ġurnal Peruvjan qal li Barreto u l-Papa Franġisku ilhom għexieren ta’ snin jafu lil xulxin. Meta l-Papa kien għadu kap tal-provinċja tal-ġiżwiti fl-Argentina, Barreto kien mar jagħmel irtir spiritwali miegħu.