Il-Kardinal Mario Grech jingħata Ġieħ ir-Repubblika

Charmaine Gauci u Chris Barbara jinħatru membri tal-ordni

Kardinal Mario Grech Ġieħ ir-Repubblika
DOI

Fil-festa nazzjonali li tfakkar is-46 anniversarju tar-Repubblika, l-Istat Malti llum onora lill-Kardinal Malti Mario Grech fil-grad ta’ kumpann fl-Ordni Nazzjonali tal-Mertu. Grech inħatar kardinal mill-Papa Franġisku fit-28 ta’ Novembru li għadda.

Grech ingħata l-ħatra ta’ Kumpann fl-Ordni Nazzjonali tal-Mertu mill-President ta’ Malta George Vella fuq il-parir bil-miktub tal-Prim Ministru Robert Abela.

Huwa ngħata l-Istrumenti tal-Ħatra mill-President waqt Ċerimonja ta’ Investitura li saret fil-Palazz tal-President il-Belt.

Il-Professur Charmaine Gauci, Dr Christopher Barbara u l-Brigadier Jeffrey Curmi nħatru uffiċjali tal-ordni għal kontribut tagħhom waqt il-pandemija tal-Covid-19. Charles Mallia Azzopardi wkoll nħatar uffiċjal.

Il-Midalja għall-Qadi tar-Repubblika ngħatat lill-kompożitur Paul Abela, lil-lingwista Prof. Charles Briffa, lill-attur Tony Cassar Darien, lill-Prof. Stephen Montfort, lit-trejdjunjonista James Peasall, kif ukoll lil Mons. Joseph Vella Gauci.

Ġew onorati wkoll Mons. Emanuel Agius, il-produttriċi tal-films Rebecca Cremona, il-Prof. Alan Deidun, l-eks kowċ nazzjonali tal-futbol Ray ‘Żażu’ Farrugia, ir-reġista tal-films Elio Lombardi kif ukoll il-grupp mużikali The Tramps.