Kardinal jittama li tkun indirizzata l-kriżi tal-abbużi sesswali

Il-Kardinal Daniel DiNardo fiduċjuż wara laqgħa mal-Papa Franġisku

Il-Kardinal Daniel DiNardo, President tal-Konferenza Epsikopali Amerikana, wara laqgħa li kellu mal-Papa Franġisku dwar il-kriżi tal-abbużi sesswali mill-kleru fl-Istati Uniti, deher determinat li l-kriżi għandha tkun indirizzata.

“Jien mimli tama”, qal “imma nifhem ukoll li dawn l-affarijiet jistgħu jieħdu ż-żmien.” Hu tkellem wara laqgħa mal-Papa li kellu l-Ħamis li għadda. “Il-Papa hu l-aktar persuna importanti għalina. Hu jara l-problema fil-Knisja madwar id-dinja.”

Filwaqt li ma riedx jitkellem dwar id-diskussjoni mal-Papa ħlief permezz ta’ stqarrija tal-Isqfijiet Amerikani hu ddeskriva l-laqgħa bħala “waħda li tat ħafna frott.” “Kienet laqgħa twila u qsamna diversi ħsibijiet u ideat u minn dan il-lat inqis il-laqgħa bħala waħda tajba. Il-Papa hu nfurmat sew u hu attent ħafna għal dak li ġara lill-vittmi abbużati fil-Knisja fl-Istati Uniti.”

Qabel mar Ruma l-Kardinal DiNardo kellu laqgħa mal-Kunsill Amministrattiv tal-Isqfijiet Amerikani li hu ddeskriva bħala laqgħa “tqila”.

“Ħsibt li hemm ħafna għaqda fost l-Isqfijiet dwar fejn irridu naslu u fuq il-fatt li rridu nieħdu azzjoni biex nindirizzaw il-kriżi tal-abbużi.”  Hu qal li l-isqfijiet iridu jkunu magħquda fl-iskop u fis-soluzzjonijiet. DiNardo kien talab il-laqgħa mal-Papa wara li ħareġ ir-rapport tal-Grand Jury dwar abbużi mill-kleru fl-Istat ta’ Pennsylvania.

Il-Kumitat Amministrattiv tal-Isqfijiet Amerikani kien stabbilixxa  tliet miri għas-soluzzjoni tal-kriżi: investigazzjoni dwar l-allegazzjonijiet fuq l-eks-Kardinal mcCarrick, li jinfetħu toroq ġodda u kunfidenzjali għar-rapport ta’ lmenti kontra l-Isqfijiet u soluzzjonijiet aktar effettivi għal ilmenti li jistgħu jsiru fil-futur.

Mistoqsi jekk dawn iddiskutihomx fil-laqgħa mal-Papa, il-Kardinal qal: “Naħseb li fuq dawn nistgħu nimxu. Irridu nimxu pass, pass.”

Mill-1 ta’ Awwissu sal-lum il-Kardinal DiNardo ħareġ ħames stqarrijiet dwar aspetti differenti tal-iskandlu tal-abbużi sesswali u sejjaħ għal aktar trasparenza u kontabilità fil-Knisja, partikolarment min-naħa tal-Isqfijiet.

Mistoqsi x’tista’ tagħmel il-medja kattolika dwar il-każ, hu wieġeb: “iridu jgħidu l-verità b’mod bilanċjat ħafna.” Hu rrikonoxxa r-rabja fost xi kummentaturi u qal li x-xogħol il-medja Kattolika hu li “tgħid il-verità, bla ma tinsa l-karità.”

Il-Kardinali qal li t-tama tiegħu quddiem din il-kriżi hi f’Alla.