Kardinal irid li anzjani miżżewġa jkunu ordnati saċerdoti biex iservu f’parroċċi iżolati

Il-Kardinal Beniamino Stella, Prefett tal-Kongregazzjoni tal-Kleru, fi ktieb li għadu kif ippubblika ssuġerixxa biex parroċċi iżolati li ma jintlaħqux mis-saċerdoti għandhom ikunu moqdija minn irġiel miżżewġa li jkunu ordnati għal dan l-iskop.
Hu qal li l-idea li f’ċirkostanzi eċċezzjonali rġiel anzjani miżżewġa li jagħtu prova tal-virtujiet tagħhom ikunu ordnati biex iservu komunitajiet Kattoliċi iżolati, għandha tkun diskussa.
“Din mhux ħaġa li tkun favur jew kontra tagħha imma rridu nevalvaw b’attenzjoni d-diversi possibiltajiet bla ma nkunu riġidi u moħħna magħluq”, kiteb il-Kardinal Stella fi ktieb intitolat “Tutti gli Uomini di Francesco” li ħareġ għall-bejgħ it-Tnejn li għadda.
Il-ktieb fih intervisti ma’ diversi Kardinali maħtura mill-Papa Franġisku.
Is-sena li għaddiet il-Papa kien mistoqsi jekk kienx jara li fil-Knisja għadx jasal żmien li rġiel miżżewġa li jagħtu prova tal-virtujiet tagħhom isiru saċerdoti.
“Irridu nistudjaw jekk din hix possibbiltà. Imbagħad inkunu rridu naraw x'xogħol ikunu jistgħu jagħmlu, eżempju xogħol f’komunitajiet 'il bogħod”, kien wieġeb Papa Franġisku.
Il-kwestjoni tista’ tkun diskussa fis-Sinodu tal-Isqfijiet li se jsir fl-2019, u li se jiddiskuti l-ħidma pastorali tal-Knisja fl-Amazonja.
Fis-Sinodu tal-1990 dwar is-Saċerdozju, u f’dak tal-2005 dwar l-Ewkaristija, xi isqfijiet, partikolarment dawk mir-reġjun tal-Amazonja, kienu ssuġġerew li l-ordinazzjoni ta’ rġiel miżżewġa kienet l-unika soluzzjoni biex Kattoliċi f’villaġġi iżolati jkunu jistgħu jirċievu l-Ewkaristija regolarment.
Il-Kardinal Stella qal li fl-Amazonja u f’xi gżejjer imbiegħda tal-Paċifiku hemm nies li qed isofru ħafna għax il-ftit saċerdoti li hemm anqas ilaħħqu jamministraw sagramenti anqas f’ċirkostanzi ta’ emerġenza.
Żied jgħid li d-diskussjoni li jrid il-Papa hi biex ikunu kkunsidrati l-għażliet kollha biex intaffu l-għatx tan-nies għall-Ewkaristija li hi ċentrali fil-ħajja tal-Knisja.
Filwaqt li l-Knisja Kattolika madwar id-dinja għandha taħdem għal aktar vokazzjonijiet, għandha tistudja wkoll il-possibiltajiet u tara “jekk l-ispirtu hux qed jissuġerixxi xi ħaġa”.
Waħda mill-possibiltajiet li għandna nikkunsidraw hi proprju li f’ċirkostanzi eċċezzjonali f’komunitajiet remoti jkunu ordnati rġiel anzjani miżżewġa.
“Filwaqt li jibqgħu jżommu l-familja u l-impjieg tagħhom, jingħataw formazzjoni apposta skont l-ambjent li qegħdin fih u joffru servizz ‘part-time’ lill-komunità biex niggarantixxu s-sagramenti, speċjalment iċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika”, qal il-Kardinal Stella.
Iżda hemm bżonn studju bir-reqqa u dixxerniment ekkleżjastiku miftuħ qabel wieħed jimxi f’din id-direzzjoni.
L-ordinazzjoni ta’ rġiel anzjani f’dawn il-każi eċċezzjonali  mhix se tibdel ir-rekwiżiti normalment meħtieġa għall-ministeru tas-saċerdozju, u anqas m'għandha twassal biex iċ-ċelibat ma’ jibqax obbligatorju.