Kardinal jikkundanna vjolenza mwettqa mill-pulizija quddiem Katidral f’Managua

Familjari ta' priġunieri politiċi jipprotestaw f'Managua

Fi tmiem il-Konferenza Episkopali tal-Amerika Latina li saret fil-Honduras, il-Kardinal Leopoldo Brenes, Arċisqof ta’ Managua, għamel konferenza tal-aħbarijiet li fiha ħabbar b’vuċi miksura li kien għadu kif wasallu video li juri l-Kattidral ta’ Managua ċirkondat mill-pulizija u dan kien nikktu ħafna.

L-Aġenzija tal-Aħbarijiet FIDES qal li l-Kardinal appella lill-pulizija tan-Nicaragua biex ma jibqgħux ixerrdu l-vjolenza filwaqt li esprima l-istmerrija tiegħu li l-pulizija marru ċċirkondaw il-Katidral Metropolita ta’ Managua jfittxu nies li jopponu l-Gvern.

Dakinhar, diversi familji ta’ priġunieri politiċi fin-Nicaragua organizzaw “sit-in” quddiem il-Katidral biex jitolbu li ssir ġustizzja wara l-aħbar li nqatel priġunier politiku ta’ nisel Amerikan fil-ħabs ta’ La Modelo, f’ċirkostanzi li mhux ċari.

Waqt din il-protesta mijiet ta’ pulizija marru ċċirkondaw il-Katidral għal sigħat sħaħ u arestaw diversi żgħażagħ u ppersegwitaw numru ieħor minnhom.

Il-Kardinal Brenes sostna li “id-djalogu hu l-unika soluzzjoni biex tkun solvuta l-kriżi soċjo-politika tal-pajjiż li hi l-agħar kriżi f’għexieren ta’ snin.”

L-Ambaxxata Amerikana f’Managua kkundannat bil-qawwa l-qtil taċ-ċittadin Amerikan fil-ħabs u għamel talba formali lill-President tal-pajjiż “biex jikkjarifika  immedjatament ċ-ċirkostanzi ta’ kif ġrat din il-mewt.