Kardinal jikkundanna l-imġieba “moralment inaċċetabbli” ta’ Kardinal ieħor

Il-Kardinal Sean O'Malley ta' Boston

“L-allegata mġieba tal-Kardinal Theodore McCarrick li rriżenja wara li kien akkużat b’abbużi sesswali anke fuq minuri “kienet moralment inaċettabbli u mhux kompatibbli mar-rwol ta’ saċerdot, Isqof jew Kardinal.”

Dan qalu l-Kardinal  Sean O’Malley, Arċisqof ta’ Boston li hu meqjus bħala wieħed milli qed jipprova jsewwi l-ħsara li qed issir lill-Knisja b’dawn il-każi ta’ abbużi sesswali minn membri tal-kleru. O’Mulley qal dan fi stqarrija wara r-riżenja tal-Kardinal McCarrick anke mill-Kulleġġ tal-Kardinali.

“Kull rapport ġdid ta’ abbużi minn membri tal-kleru, huma f’liema livell huma, idaħħal dubju f’ħafna mħuħ li l-Knisja m’hi tagħmel xejn quddiem din il-katastrofi barra li jikkomprometti l-awtorità morali tagħha li diġà hi dgħajjfa,” qal O’Malley

“Filwaqt li l-Knisja fl-Istati Uniti adottat politika ta’ “tolleranza zero” fejn jidħlu abbużi sesswali minn saċerdoti fuq minuri, hemm bżonn ikollna proċeduri aktar ċari fejn dawn l-abbużi jsiru minn Isqfijiet.  Il-Knisja għandha bżonn politika b’saħħitha u komprensiva dwar Isqfijiet li jiksru l-wegħdi tagħhom ta’ ċelibat f’każi kriminali ta’ abbuż ta’ minuri u adulti”.

Il-Kardinal O’Malley ippropona azzjoni fi tliet partijiet: l-ewwel li fejn ikun hemm dan it-tip ta’ akkużi jinstemgħu b’mod ġust u jkunu deċiżi malajr; it-tieni isir studju dwar l-adegwatezza tal-politika tal-knisja għal dawn il-każi, f’kull livell u speċjalment fejn jidħlu Isqfijiet; u t-tielet li l-kattoliċi u l-vittmi tal-abbużi ikun jafu sew kif għandhom jirrappurtaw allegazzjonijiet ta’ abbuż minn Isqfijiet u Kardinali.

O’Malley wiegħed li se jiddiskuti dan it-tħassib ma’ uffiċjali tas-Santa Sede b’urġenza kbira, waqt żjara li se jagħmel f’Ruma dalwaqt.