Kardinal jikkundanna interpretazzjonijiet allarmisti tal-Amoris Laetitia

Il-Kardinal Marc Ouellet, Prefett tal-Kongregazzjoni tal-Isqfijiet, isostni li l-“Amoris Laetitia”, l-eżortazzjoni Appostolika li l-Papa Franġisku ħareġ is-sena li għaddiet wara żewġ sinodi dwar il-familja fl-2014 u l-2015, jixirqilha aktar attenzjoni fiha nfisha mis-sempliċi dibattitu pubbliku dwar xi “punti kontroversjali”.
Hu kkundanna l-interpretazzjonijiet allarmisti u oħrajn mhux veritieri ta’ din l-Eżortazzjoni dwar il-Familja.
Il-Kardinal Kanadiż qal lill-Isqfijiet ta’ pajjiżu li dan id-dokument ma jagħmilx tibdil fid-duttrina jew id-dixxiplina tas-sagramenti imma jippreżenta perspettiva pastorali li tikkunsidra “it-tajjeb tal-bniedem” skont iċ-ċirkostanzi tiegħu jew tagħha.
“Kull interpretazzjoni allarmista li tipprova tgħid li d-dokument imur 'l hinn mit-tradizzjoni, jew li hu interpretazzjoni permissiva li tiċċelebra aċċess għas-sagramenti għal dawk divorzjati u reġgħu żżewġu, hi qarrieqa u ma taqbilx mal-intenzjonijiet tal-Papa”, qal il-Kardinal.
Huwa qal li Kaptilu 8 tad-Dokument hu sejħa għal konverżjoni pastorali ġdida li tista’ ġġib konfort lil min qed ibati.
Għalkemm ħafna laqgħu din il-perspettiva, oħrajn jarawha bħala riskju li tmur 'l hinn mid-duttrina tal-Knisja Kattolika. Dan il-Kaptilu sar “iċ-ċavetta tal-interpretazzjoni” tad-Dokument u allura skont l-interpretazzjoni li jagħtuh in-nies jarawh pożittiv jew ambigwu u riskjuż.
Iżda l-Papa Franġisku jsostni li l-qofol tad-Dokument huma l-Kaptili 4 u 5. Id-dokument irid ikun moqri kollu biex wieħed jifhem il-limiti u l-kobor tal-orjentazzjonijiet pastorali. Ħafna drabi il-kritika kienet barra mill-kuntest.
Il-Kardinal Ouellet qal li l-Amoris Laetitia hi urġenti għall-Kanada minħabba l-vojt li hemm bejn it-tagħlim uffiċjali tal-Knisja u l-esperjenza li qed jgħixu l-koppji u l-familji.
Din id-differenza kibret wara l-Konċilju Vatikan II, parzjalment minħabba l-influwenza ta’ dik li l-Papa Ġwanni Pawlu II sejjaħ “Il-Kultura tal-Mewt”: l-abort bla rażan, ewtanasja, kontraċezzjoni, it-taparsi żwieġ bejn koppji tal-istess sess, id-divorzju u s-suwiċidju assistit.
“Għalhekk irridu nerġgħu naqraw l-Amoris Laetitia fi spirtu ta’ konverżjoni pastorali u ftuħ għat-tagħlim tal-Papa biex ngħinu kulturi li huma 'l bogħod mill-fidi jesperjenzaw il-ferħ tal-Evanġelju li jiġi mill-fidi.
l-konverżjoni pastorali hi proċess li jinvolvi akkumpanjament, dixxerniment biex nilħqu nies li jinsabu f’ċirkostanzi fraġli.
Mingħajr din il-konverżjoni ikun impossibbli li nadottaw attitudni pastorali li tilqa’, tisma, tiddjalogu u tkun ħanina”, temm jgħid il-Kardinal lill-Isqfijiet tiegħu.