Kardinal jikkritika l-Gvern ta’ Sri Lanka li naqas jipproteġi lill-insara

Wieħed mill-funerali tal-vittmi tal-attakki fuq knejjes fi Sri Lanka f'Ħadd il-Għid

Il-Kardinal Malcolm Ranjith ta’ Sri Lanka waħħal fl-awtoritajiet tal-pajjiż għan-nuqqas ta’ sigurtà li wassal għall-isplużjonijiet li seħħew f’numru ta’ knejjes u lukandi f’Ħadd il-Għid li fihom inqatlu aktar minn 320 persuna. Huwa qal lill-ġurnalisti li l-Gvern għandu jagħmel inkjesta ndipendenti biex isib min kien responsabbli għal dawn l-attakki u għaliex ma sar xejn biex dawn ikunu evitati.

Nhar it-Tlieta li għadda, l-Kardinal Ranjith mar fir-raħal tas-sajjieda f’Negombo fejn inġabru aktar minn elf persuna biex jitolbu għall-vittmi ta’ din it-traġedja f’servizz reliġjuż li mexxa hu stess. 110 persuni nqatlu fl-attakk fuq il-Knisja ta’ San Sebastjan li hemm f’dan ir-raħal.

Ebda servizz fil-knejjes

“S’issa, il-forzi tas-sigurtà għadhom ma ċċarawx is-sitwazzjoni. Jaf ikun hemm aktar attakki f’postijiet pubbliċi fejn jinġabru n-nies. Għalhekk qed nappella lill-qassisin biex ma jagħmlu ebda servizzi fil-knejjes sakemm ngħidilhom jien” qal il-Kardinal lil grupp ta’ ġurnalisti.

L-Agence France Press qalet li l-Kap tal-Pulizija ta’ Sri Lanka, għaxart ijiem qabel seħħew l-attakki, kien ħareġ twissija dwar organiżazzjoni li kienet se torganizza attakki suwiċida f’għaxar knejjes. Mhux ċar x’azzjonijiet ħadu l-forzi tas-sigurtà tal-pajjiż wara din it-twissija u qabel l-attakki li seħħew f’Ħadd il-Għid.

Rapport ta’ Vatican News jgħid li l-Prim Ministru qal li hu u uffiċjali għolja tal-Gvern ma ma jafux x’sar u għalhekk hemm bżonn naraw kif ma ttieħdux prekawzjonijiet adegwati.

L-ISIS jieħdu r-responsabbiltà

Qed jikber is-suspett li f’din it-traġedja kienu nvoluti gruppi terroristiċi internazzjonali. Għalkemm l-ISIS ħadu responsabbiltà għal dawn l-attakki, dawn ma setax ikun verifikat.

Il-Gvern semma żewġ gruppi terroristiċi Islamiċi – Jammiyathul Millathu Ibrahim u n-National Thowheeth Jama’ath, li kienu responsabbli għall-attakki fuq tliet knejjes u tliet lukandi lussużi mferrxa mal-pajjiż. S’issa kienu arrestati 40 persuna b’konnessjoni ma’ dawn l-attakki li fihom mhux biss inqatlu aktar minn 300 persuna imma sfaw feruti wkoll aktar minn 500 oħra.

Fi Sri Lanka li għandha popolazzjoni ta’ 22 miljun persuna, l-insara huma biss madwar miljun u nofs. 85% tal-insara huma Kattoliċi. Il-maġġoranza tal-poplu (70%) huma Buddisti, 12.6% huma Hindu filwaqt li 9.6% huma Musulmani.

Diversi Konferenzi Episkopali minn madwar id-dinja bagħtu messaġġi ta’ sogħba u simpatija lil sħabhom fi Sri Lanka. Kif għamel il-Papa Franġisku dakinhar stess li seħħew l-attakki.

Dawn l-inċidenti serji ġiebu fi tmiemhom għaxar snin ta’ paċi relattiva fi Sri Lanka, pajjiż bi storja twila ta’ ġlied tul gwerra ċivili bejn forzi tal-Gvern u dawk tat-Tigri u t-Tamil. Fil-pajjiż bħalissa hemm  impost ‘curfew’ bejn it-8.00 p.m. u l-4.00 a.m.