Kardinal jiddeskrivi l-Venezuela bħala “stat fallut”

Il-Venezuela fid-dlam minħabba l-inkompetenza tal-Gvern

Il-Kardinal Baltazar Enrique Porras Cardozo li hu l-Amministratur Apostoliku ta’ Caracas, iddeskriva l-Venezuela bħala “pajjiż fallut minn reġim irresponsabbli”, wara l-aħħar qtugħ ta’ dawl li kien hemm mal-pajjiż kollu u li ħalla miljuni ta’ persuni bla dawl u mingħajr servizzi essenzjali.

Nhar it-Tnejn u t-Tlieta tal-ġimgħa li għaddiet il-parti l-kbira tal-Venzuela spiċċat fid-dlam bil-provvista tal-elettriku maqtugħa għal ħafna siegħat.  Miljuni ta’ persuni spiċċaw bla ilma, bla dawl, mingħajr servizz tat-telfon, anke dak ċellulari, is-sistemi li jikkontrollaw it-traffiku waqfu u magħhom waqfu diversi servizzi essenzjali oħra.

Il-President tal-pajjiż Nicholas Maduro qal li dan il-qtugħ fil-provvista tal-elettriku kien kaġunat minn attakk elettromanjeitku mill-Istati Uniti biex joskuraw lill-Gvern tiegħu.   Madankollu ma ta ebda prova ta’ din l-akkuża.

Ir-reazjoni tal-Isqfijiet Kattoliċi għal dan il-“blackout” komplet poġġiet il-ħtija wara l-bieb tal-President Maduro.

“Ma hemm ebda raġuni għad-diversi drabi li nqatgħet il-provvista tal-elettriku fil-ġimgħat li għaddew u l-istess il-qtugħ tal-ġimgħa li għaddiet,” qalet l-Arċidjoċsi ta’ Caracas. Id-djoċesi talbet lill-Gvern biex “jipprovdi soluzzjonijiet permanenti effettivi biex il-poplu tal-Venezuela jkollu kwalità ta’ ħajja deċenti”.

Manutenzjoni infrastrutturali fqira

F’intervista mar-Radju tal-Vatikan il-Kardinal Porras Cardozo poġġa fid-dubju l-iskuża tal-President Maduro li dan il-qtugħ fl-elettriku kien frott ta’ sabutaġġ minn barra l-pajjiż.

Huwa qal li “mill-2010, speċjalisti fil-qasam tal-elettriku ilhom jinnutaw li l-‘grid’ nazzjonali tal-elettriku kienet qed tingħata manutenzjoni fqira. Iżda l-Gvern qatt ma jerfa’ r-responsabbiltà għal dawn in-nuqqasijiet u dejjem jgħid li huma attakki elettromanjetiċi minn għedewwa tar-reġim”.

F’Marzu li għadda kien hemm l-akbar qtugħ fil-provvista tal-elettrikul li qatt kien hemm fil-Venezuela li dam għal ġimgħa sħiħa li poġġa lill-pajjiż fi stat tal-biki.

Il-Kardinal Porras qal li l-Venezuelani qed jgħixu f’biża’ kontinwu li jerġa’ jkun hemm qtugħ fid-dawl. “Rajna nies isogru minħabba f’hekk l-aktar fejn jidħol it-trasport u l-preservazzjoni tal-ikel. Dawn il-‘blackouts’ qed ikomplu jaggravaw il-kriżi kbira li jinsab fiha l-pajjiż”.

“Jidher li l-pajjiż qed ifalli minħabba t-telqa tal-Gvern u n-nuqqas ta’ rispett lejn il-ħajja umana”, qal il-Kardinal Porras.  Sostna li pajjiżu hu “stat fallut” immexximinn reġim li ma joffrix servizzi bażiċi u jikkontribwixxi minimament għall-ġid tal-popolazzjoni.

Il-Venezuelani  jafu li l-kwalità tal-ħajja tagħhom naqset drastikament u b’hekk intilfu ħajjiet vulnerabbli minħabba l-kaos li ħoloq ir-reġim irresponsabbli li jmexxihom, qal il-Kardinal Porras.