Kardinal jappoġġja konferenza internazzjonali dwar il-Kongo li l-Gvern qed jibbojkottja

Il-Kardinal Laurent Monsengwo Pasinja ta’ Kinshasa qed jappoġġja Konferenza ta’ Donaturi li ltaqgħet ilbieraħ f’Ġinevra biex tiddiskuti għajnuna li għandha tingħata lir-Republika Demokatika tal-Kongo, avolja l-Gvern tal-pajjiż ibbojkottja l-Konferenza.
“Ma nistgħux nirrifjutaw l-għajnuna meta jdejna huma vojta” qal il-Kardinal wara l-quddiesa tal-Ħadd li għadda, festa tal-Ħniena Divina, meta tkellem fiċ-Ċentru Pastorali ta’ Kinshasa. Hu qal dan wara li l-Gvern iddeċieda li jibbojkottja l-Konferenza li hi sponsorjata min-Nazzjonijiet Magħquda u l-Unjoni Ewropea.
L-iskop tal-laqgħa hu biex ikun deċiż kemm flus għandhom ikunu vvutati biex ikun megħjun il-pajjiż fid-dawl tal-kriżi umanitarja li qed tkompli tiħrax partikolarment fil-provinċji tat-Tanganyika, Kivu u Kasai.
Il-Kardinal Monsengwo wiegħed li jagħmel dak kollu possibbli għal dawk li spiċċaw bla dar u dawk li jinħtieġu għajnuna umanitarja li jistgħu jgawdu mill-għajnuna li tingħata waqt din il-Konferenza ta’ Ġinevra.
Il-Kumitat tal-Koordinaturi Lajċi – grupp Kattoliku bbażat f’Kinshasa – appella lin-Nazzjonijiet Magħquda biex tinjora r-rifjut tal-Gvern tal-Kongo li jieħu sehem fil-Konferenza. Il-Kumitat qal li quddiem il-gravità tas-sitwazzjoni hemm bżonn ta’ għajnuna umanitarja lill-poplu li jinsab fil-periklu.
Il-Gvern irrifjuta li jipparteċipa fil-Konferenza għax in-Nazzjonijiet Magħquda kklassifikat is-sitwazzjoni fil-pajjiż bħala li jinsab fi kriżi umanitarja tal-ogħla livell. Tliet pajjiżi oħra biss fid-dinja – is-Sirja, il-Jemen u l-Iraq – għandhom din il-klassifikazzjoni.
Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Kongo qal li din il-klassifikazzjoni tagħti dehra li l-pajjiż jinsab f’katastrofi estrema u tpoġġi lil Kongo f’kategorija ta’ pajjiżi fejn hemm gwerer qliel. “Dan assolutament mhux il-każ li qed jiffaċċja attakki minn gruppi terroristiċi u kriminali”, qal il-Ministru.
In-Nazzjonijiet Magħquda qed tgħid li l-Kongo għandu bżonn b’kemm jiswew $1.7 biljun f’għajnuniet.