Kardinal jappella lill-politiċi biex ma jibqgħux jinċitaw il-mibegħda

Sr. Hermenegild Macoro, Segretarju Ġenerali tal-Konferenza Episkopali tal-Afrika t’Isfel, tindirizza assemblea tal-Caritas

Il-Kardinal Wildrid Fox Napier, Arċisqof ta’ Durban qal li kull ħajja hi prezzjuża u l-attakki kontra pesuni barranin u l-emigranti huma xi ħaġa ħażina. Hu kien qed jitkellem waqt l-Assemblea Ġenerali tal-Caritas tal-Afrika t’Isfel li saret ftit jiem ilu.

“Ix-xenofobija m’hix ħażina biss għax xi darba jista’ jmiss lili li nfittex refuġju f’pajjiż ieħor. Hi ħażina għax il-persuna barranija li qed tfittex refuġju hi maħluqa fuq ix-xbiha t’Alla, bħali.

“Kulħadd għandu ħajja li hi ta’ valur suprem. Ma jimpurtax mnejn ġejja l-persuna, l-oriġini, ir-razza jew ir-reliġjon tagħha. Il-bniedem hu magħmul fix-xbiha ta’ Alla”, enfasizza l-Kardinal Napier.

 Is-sitwazzjoni kkalmat

Fl-aħħar ġimgħatejn, fl-Afrika t’Isfel kien hemm attakk qawwi kontra l-imigranti u l-barranin. Ħwienet ta’ sidien barranin sfaw attakkati u misruqa. Allegatament, dawn l-irvellijiet kontra l-barranin bdew wara li nqatel sewwieq tat-taxi.

Is-sitwazzjoni issa kkalmat ftit imma jumejn ilu reġa’ kien inċidenti ta’ vjolenza fil-belt ta’ Sunnyside, waħda mill-eqdem subborgi tal-kapitali Pretoria.

Minkejja patrols mill-pulizija fit-toroq ta’ Pretoria, il-ħallelin xejn ma qatgħu qalbhom u komplew bl-attakki tagħhom.  Osservaturi fl-Afrika t’isfel qed jakkużaw lill-politiċi u l-awtoritajiet li m’huma jagħmlu xejn filwaqt li l-emigranti u l-barranin qed ikunu attakkati.

Tixwix għall-vjolenza

Il-Kardinal Napier qal li l-politiċi għandhom jieqfu ixewwxu u jrewwħu sentimenti kontra l-barranin.

“Il-politiċi li qed irewwħu sentimenti kontra l-barranin qed jiżbaljaw. Xi trejd unions u xi setturi differenti ta’ ħaddeima, fosthom sewwieq tat-trakkijiet qed jippruvaw isibu skuża fil-barranin għar-raġuni li huma jinsabu bla xogħol għax qed jgħidu li l-kumpanniji qed iħaddmu barranin minflok lilhom. Dan mhux veru,” qal il-Kardinal.

L-istampa fl-Afrika t’Isfel irrappurtat li l-Gvern qed juża lill-emigranti u lill-barranin bħala suża għan-nuqqas tiegħu li joħloq impjiegi u joffri servizzi lill-poplu. L-istampa qed titlob biex ikun hemm diskussjoni ġenwina dwar ix-xenofobija. Il-fatt li ma hemmx deterrent għal dawn is-sentimenti negattivi hu problema. Donnu li dawk li qed  jattakkaw u jisirqu lill-barranin m’hemm xejn xi jżommhom u qed jibqgħu jagħmlu li jridu.