Kardinal jappella biex in-nies bl-awtiżmu ma jkunux emarġinati

Il-Kardinal Peter Turkson, fl-okkażjoni tal-Jum Dinji għall-Għarfien tal-Awtiżmu, ħareġ messaġġ li fih appella lill-komunitajiet Insara biex jiltaqgħu ma’ dawk bil-kundizzjoni tal-awtiżmu u l-familji tagħhom u jopponu kultura li teskludi lil dawn in-nies.
Il-Prefett tad-Dikasteru għall-Promozzjoni tal-Iżvilupp Integrali Uman qal li hu importanti li l-gvernijiet, l-istituzzjonijiet u l-komunitajiet kollha “jirrispondi b’mod adegwat għall-bżonnijiet tal-persuni bl-awtiżmu."
“B’hekk inseddqu l-kultura tas-solidarjetà minflok l-esklużjoni u l-kultura tal-ħela li tpoġġi lil dawn il-persuni fil-marġini tas-soċjetà”.
In-nies li għandhom l-awtiżmu jridu jiffaċċjaw diffikultajiet kuljum, kemm dawk li huma riżultat tal-kundizzjoni tagħhom u dawk li tpoġġilhom is-soċjetà li “jċaħħduhom mill-possibbiltà li jgħixu sal-milja tal-possibiltajiet tagħhom”
Il-Kardinal Turkson innota li fl-aħħar 50 sena, il-prevalenza tal-awtiżmu kibret u llum hu stmat li wieħed minn kull 160 tifel u tifla huma milquta minn din il-kundizzjoni u dan jitlob impenn akbar mill-Insara li jipprovdulhom appoġġ adegwat.
Min-naħa tagħha l-Knisja tixhed l-impenn tagħha favur dawn in-nies bil-ħidma li twettaq biex tassigura li dawn ikunu aċċettati fil-komunitajiet tagħha għalkemm għad fadal ħafna xi jsir biex ikun hemm inklużjoni totali ta’ dawn in-nies.
Turkson faħħar lil dawk il-familji tal-persuni bl-awtiżmu li qal li għandhom ikunu ammirati għall-mod kif  jaċċettaw l-isfidi u d-diffikultajiet li din il-kundizzjoni ġġib magħha, b’tant imħabba.
“Hu essenzjali” qal il-Kardinal, “ li nkunu preżenti ma’ dawk bl-awtiżmu u mal-familji tagħhom”.
Huwa fakkar f’diskors li kien għamel il-Papa Franġisku f’konferenza internazzjonali dwar l-awtiżmu fejn qal li “hemm bżonn l-impenn ta’ kulħadd biex nippromwovu l-aċċettazzjoni u s-solidarjetà, b’appoġġ konkret u nkabbru t-tama ta’ dawn in-nies.  Dan iwassal biex ma jkunx hemm iżolament u f’ħafna każi anke stigma fuq persuni awtisti u l-familji tagħhom”.
Min-naħa tiegħu l-Papa Franġisku nhar il-Ħadd li għadda, f’Jum l-Awtiżmu ċċelebrat min-Nazzjonijiet Magħquda, appella għal talb speċjali għal dawn in-nies.