Kardinal fil-Venezuela jiċħad intervent militari Amerikan

Il-Kardinal Jorge Urosa Savino tal-Venezuela qal li intervent militari barrani fil-pajjiż mhux se jsolvi l-problemi reali li huma ta' natura politika, soċjali u ekonomika, anzi jkompli jaggrava s-sitwazzjoni. Hu qal dan wara li l-President Amerikan Donald Trump issuġġerixxa li hemm għażla militari biex ikunu solvuti l-problemi fil-Venezuela.

Mons. Savino qal li hu u miegħu l-Isqfijiet kollha tal-Venezuela jiċħdu kull forma ta' intervent militari barrani kif kien ġara f'Kuba u ma jaqblux mat-theddida Amerikana għal intervent militari.

Fil-11 ta' dan ix-xahar, wara laqgħa li kellu ma' Tex Tillerson li hu s-Segretarju tal-Istat Amerikan, l-Ambaxxatur tal-Istati Uniti fin-Nazzjonijiet Magħquda u mal-konsulent tas-Sigurta' tiegħu, il-President Donald Trump qal lill-ġurnalisti li “aħna nistgħu nagħmlu intervent militari fil-Venezuela biex insolvu l-kriżi li hemm”.

“Il-Venezuela tinsab f'diżastru. Diżastru perikoluż ħafna u sitwazzjoni gravi u ta' dwejjaq. In-nies qed isofru u hemm min qed imut. Aħna għandna diversi għażliet dwar il-Venezuela u jekk hemm bżonn anke intervent militari”, qal Trump.

Fi tmiem ix-xahar li għadda fil-pajjiż saru elezzjonijiet għal Assemblea Kostitwenti fost protesti kbar u kundanni internazzjonali. L-għażla tal-President Maduro li joħloq din l-Assemblea bil-maġġoranza ta' nies magħżula minnu biex jiktbu kostituzzjoni ġdida għall-pajjiż, wasslet għal protesti qawwija li fihom inqatlu aktar minn 100 persuna.

Il-Kardinal Urosa qal li dawk li għandhom id-dover li jsolvu l-kriżi fil-Venezuela huma l-poplu u b'mod speċjali l-Gvern li ħoloqha.

Aktar kmieni dan ix-xahar il-Vatikan ħareġ stqarrija li fiha appella biex tkun sospiża l-Assemblea Konsultattiva l-ġdida u talab li ll-partijiet kollha fil-kwestjoni, partikolarment il-Gvern, jiggarantixxu r-rispett tad-drittijiet umani u l-Kostitutzzjoni attwali.