Kardinal Awstrijak jgħid li deċiżjoni tal-Qorti dwar żwiġijiet tal-istess sess tiċħad ir-realtà

Il-President tal-Konferenza Episkopali tal-Awstrija, il-Kardinal Cristoph Schonborn, ikkritika deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali tal-pajjiż li fetħet it-triq għal żwiġijiet bejn persuni tal-istess sess, f’dan il-pajjiż tradizzjonalment Kattoliku.
“Jekk il-Qorti tiċħad l-istatus sepċjali u uniku taż-żwieġ, mibni fuq id-diversità bejn is-sessi, tkun qed tiċħad ir-realta u ma tkunx qed tagħti servizz lill-pajjiż. Deċiżjoni bħal din fl-aħħar mill-aħħar tweġġa’ lil kulħadd, inkluż lil dawk li suppost qed tipproteġi u li għandhom bżonn il-protezzjoni”, sostna l-Kardinal ta’ Vjenna.
Fil-5 ta’ dan ix-xahar il-Qorti Kostituzzjonali Awstrijaka ddeċidiet li l-Liġi taż-Żwieġ attwali tikser ir-regola li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni meta tipprojbixxi żwieġ bejn koppji tal-istess sess u tisforza lill-koppji jiddikjaraw l-orjentazzjoni sesswali tagħhom. Din is-sentenza fetħet it-triq biex sal-2019, żwiġijiet bejn persuni tal-istess sess ikunu legali fl-Awstrija.
Fi stqarrija li għamel, il-Kardinal Schonborn qal li l-14 imħallfin tal-Qorti Kostituzzjonali “tilfu l-viżjoni tan-natura speċjali taż-żwieġ bħala relazzjoni bejn raġel u mara, li tipproduċi u trabbi t-tfal biex tkun assigurata s-suċċessjoni tal-ġenerazzjonijiet”.
Żied jgħid li din id-deċiżjoni tikkontradixxi wkoll diversi sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem li jgħidu li mhemm l'ebda diskriminazzjoni jekk iż-żwieġ jibqa’ riservat għal raġel u mara.
L-Awstrija se tkun is-16-il pajjiż Ewropew li jillegaliżżaw iż-żwieġ bejn koppji tal-istess sess. 11-il pajjiż Ewropew ieħor jaċċettaw l-unjoni ċivili bejn koppji tal-istess sess.
F’Novembru li għadda l-Isqfijiet Awstrijaċi kienu wissew dwar il-periklu li jkunu permessi żwiġijiet bejn koppji tal-istess sess.