Kardinal attakkat u msawwat fil-Knisja

Skont rapport fl-istampa internazzjonali, marmalja Soċjalista li tappoġġja lid-dittatur Nicolas Maduro fil-Venezuela, nhar l-Erbgħa  tal-Ġimgħa l-Kbira daħlet fil-Knisja ta’ Santa Tereza f’Caracas fejn kienet qed issir funzjoni reliġjuża u attakkat lill-Kardinal Jorge Urosa Savino u feriet lil numru ta’ nsara li kienu qed jattendu l-funzjoni kif ukoll lil membri tal-media li kienu qed jiffilmjaw u jirrekordjaw dak li kien qed jiġri u wara serqu xi affarijiet mill-istess knisja.
Il-gazzetta “El Universal” irrappurtat li dawk li kienu qed jisimgħu ‘l quddiesa identifikaw lil uħud minn dawk li attakkawhom bħala partitarji tal-President Maduro li attakkaw nies fil-kongregazzjoni li kkritikaw b’mod apert lill-President.
Il-ġurnal “El Nacional” qal li uħud mill-partitarji ta’ Madura baqgħu sejrin fuq l-altar u mbuttaw lill-Kardinal u ppruvaw jaħbtu għalih.  Fil-ħin tal-attakk il-Kardinal Savino kien qed jagħmel omelija li fiha għamel sejħa għall-ħelsien mid-dittatura fil-pajjiż.
Fost il-kongregazzjoni kien hemm għadd ta’ personalitajiet politiċi fosthom il-Kap tal-Oppożizzjoni Maria Corina Machado u l-Kap tal-Partit Soċjalista Jorge Aleman.
Il-“Pan American Post” żiedet tirrapporta li  dawk li attakkaw il-knisja serqu wkoll xi affarijiet sagri.  Ġurnalista li kien qed jieħu video tal-attakk bil-mobile phone tiegħu, serqulu l-mobile.
Il-Partit Soċjalista qal li l-Oppożizzjoni kienet responsabbli għal dan l-attakk. Il-President Madura f’xandira televiżiva akkuża lill-Oppożizzjoni li hi l-“antikrist” u akkużahom li qed jagħmlu sabutaġġ u jippruvaw jaħtfu l-knejjes.
Il-President Maduro qal li qrib il-knisja kien hemm suldati biex iwaqqfu l-ġlied, iżda nies li kienu fil-post sostnew li s-suldati ma għamlu xejn biex jipproteġu lill-karadinal. L-attakk fuq il-bażilka ta’ Caracas mhux xi ħaġa rari.  Lejlet Ħamis ix-Xirka is-saċerdoti fir-reġjun ta’ San Cristobal sabu l-knejjes kollha vandalizzati u b’theddid li joqtlu lill-qassisin.