Kardinal Afrikan jgħid li r-regoli kontra l-abbużi għandhom ikunu estiżi

Il-Kardinal Philippe Nakellentuba Ouédraogo ta’ Burkina Faso waves as he leaves St. Peter's Basilica (Credit: Paul Haring/CNS.)

L-ogħla prelat fl-Afrika, ikkritika l-idea li l-abbużi sesswali mill-kleru huma problema tal-Punent biss u sostna li dawn l-abbużi jsiru wkoll f’pajjiżu.

F’kumment lill-aġenzija tal-aħbarijiet CRUX il-Kardinal Ouedraogo qal li “l-abbużi sesswali joffendu ‘l Alla u jagħmlu ħsara fiżika, piskoloġika u spiritwali lill-vittmi u tweġġa’ wkoll lill-komunità tal-insara”.

F’laqgħa li kellhom riċentement l-Isqfijiet iddiskutew il-fatt li l-Kattoliċiżmu fl-Afrika qed jinfirex ħafna u s-sehem tażż-żgħażagħ li jagħmlu madwar 60% tal-poplu fil-kontinent, l-isfida tal-Evanġeliżazzjoni, fosthom problemi tribali u l-abbuż tan-nisa u t-tfal.

Xebħ u differenzi

Il-Kardinal innota li xi wħud jgħid li l-abbuż sesswali mill-kleru mhux problema fl-Afrika u qal li kull soċjetà “għandha t-tajjeb u l-ħażin tagħha. Hemm affarijiet li jixxiebħu u oħrajn li huma differenti”.

“Minn dan il-lat il-problema tal-abbużi sesswali fuq il-minuri m’hix l-istess fis-soċjetajiet kollha tad-dinja. Għalhekk uħud jemmnu – u mhux mingħajr raġuni – li l-abbuż sesswali mit-tfal fl-Afrika m’hux kbir daqskemm hu fl-Ewropa jew l-Amerika”.

“Imma dan ma jfissirx li l-problema ma teżistix fl-Afrika. Bogħod minn hekk”, qal il-Kardinal Oeudraogo li sostna li jsiru abbużi sesswali u mhux fuq il-minuri biss imma anke fuq nisa.

Fil-laqgħa tal-Isqfijiet saret riferenza speċifika “Vox estis lux mundi” li l-Papa Franġisku ppubblika f’Mejju li għadda u li jispjega l-proċess li l-Isqfijiet iridu jagħmlu f’każi ta’ abbuzi, li permezz tiegħu l-Arċisqfijiet Metroplitani ngħataw rwol ewlieni. Id-dokument irid li d-djoċesijiet kollha fid-dinja joħolqu mekkaniżmu li jirrapporta dawn l-abbużi.

Indiema vera

“Is-suċċessur ta’ Pietru għaraf il-kobor ta’ dan il-problema u qed jgħin lill-komunità ekklesjastika biex tindem verament u jkun hemm konverżjoni tal-qlub, profonda u kontinwa permezz ta’ azzjonijiet konkreti u effettivi”, żied jgħid il-Kardinal.

Hu nsista li din hi problema tad-Knisja kollha u għalhekk qed isiru studji u rakkomandazzjonijiet konkreti kemm fuq livell nazzjonali u territorjali tal-Konferenzi Episkopali.

L-Isqfijiet Afrikani ddiskutew fit-tul id-direttivi l-ġodda tal-Papa u ddeċidew li kull Konferenza Episkopali għandha tagħmel inventarju tal-proċeduri tagħha u tagħti rapport u rakkomandazzjonijiet lis-Segretarju Ġenerali tal-Konferenzi Episkopali tal-Afrika.

“It-tfal huma suġġetti għal ħafna problemi, fosthom: l-abbużi sesswali, it-tfal reklutati bħala suldati u t-traffikar uman. Id-drittijiet tat-tfal qed jinkisru kemm fl-Afrika kif ukoll madwar id-dinja”, żied jgħid il-Kardinal.

Hu sostna li r-regoli li l-Papa stabilixxa fuq l-abbużi sesswali għandhom ikunu estiżi wkoll għal abbużi oħra li jolqtu lit-tfal b’mod kiefer ħafna.