Karattru leġġendarju lura f’EastEnders

Patsy Palmer. Ritratt: BBC

Dawk li jsegwu s-sensiela Ingliża EastEnders żgur li se jieħdu pjaċir isiru jafu li l-karattru ta’ Bianca Jackson se jerġa jkun qed jagħmel ir-ritorn tiegħu ħames snin wara l-aħħar dehra tiegħu.

Biex tinterpreta dan il-karattru mill-ġdid se naraw lill-attriċi Patsy Palmer li tat il-ħajja lil dan il-karattru ikoniku sa mill-bidu tiegħu fl-1993 u baqgħet tinterpretah sal-1999. Irritornat fih fl-2008 u telqet mill-ġdid mis-sensiela fl-2012, wara li kienet saret omm fil-ħajja ta’ kuljum.

L-aħbar li Bianca ġejja lura ntlaqgħet tajjeb mis-segwaċi tas-sensiela, l-aktar wara li l-producers tas-sensiela ħabbru li qed jippjanaw storja qawwija għal dan il-karattru hekk kif hi tasal lura f’Ramsey Square flimkien ma’ bintha Tiffany.

Patsy Palmer. Ritratt: BBC

Patsy Palmer, jew aħjar Bianca, se tkun qed tidher f’EastEnders fil-puntati li se jixxandar f’Ottubru li ġej. Is-sehem tagħha pero se jkun wieħed qasir minħabba li l-attriċi llum il-ġurnata tgħix Los Angeles.

Mhux eskluża li din se tkun l-ewwel minn bosta dehriet li hi se jibda jkollha minn żmien għall-ieħor.

Biex iwittu t-triq għar-ritorn ta’ Patsy Palmer bħala Bianca, l-awturi tas-sensiela se jkunu qed jerġgħu jintroduċu membri mill-familja tagħha fil-puntati li jmiss, bl-ewwel wieħed ikun Robbie Jackson li se jibda jidher fil-puntati li fuq BBC se jintwerew f’Ġunju. Hu se jkun interpretat minn Dean Gaffney.