Kapulavur ta’ Ionesco minn Teatru Malta f’Settembru

Photo credit: Rodney Gauci

Read in English.

Bħala parti mill-Proġett Klassiċi ta’ Teatru Malta, inizjattiva ta’ kull sena maħsuba biex tipproduċi klassiċi moderni bil-Malti, il-kumpanija tat-Teatru Nazzjonali se tippreżenta wieħed mill-kapulavuri ta’ Ionesco f’Settembru fis-sala Esplora Planetarium fil-Kalkara.

Rinoċeronti tradotta minn Clare Azzopardi u Albert Gatt għandha direzzjoni ta’ Michael Fenech u hija traduzzjoni ta’ waħda mid-drammi milqugħin ta’ Ionesco u parti miċ-ċiklu Berenger tiegħu: Rhinocéros.

Dan ix-xogħol teatrali assurd tal-għaġeb jittratta dwar il-konformiżmu, l-isteriżmu tal-massa u l-aljenazzjoni fost motivi interessanti oħra. Id-dramm Rinoċeronti jifforma parti mit-tieni edizzjoni tas-serje Progett Klassici li jġib it-titlu ta’ Tliet Xogħlijiet ta’ Eugene Ionesco editjat minn Marco Galea b’kollaborazzjoni mal-Università ta’ Malta u se tkun ippubblikata flimkien ma’ traduzzjonijiet bil-Malti ta’ żewġ drammi oħra ta’ Ionesco La Cantatrice Chauve (Il-Kantanta Fartasa) u La Leçon (Il-Lezzjoni).

Tul din il-kummiedja skura jidher li għaddejja xi ħaġa assurda ħafna, f’belt fejn qatt ma jiġri xejn assurd. F’din il-belt tant normali, mimlija nies b’ħajja ta’ familja ordinarja tar-riklami, se jiġri xi ħaġa… xi ħaġa stramba! X’jiġri meta n-nies, dawk l-istess persuni normali li kont mingħalik li taf tassew tajjeb, jaqbdu jinbidlu? Tinbidel int ukoll? Int konformi? Jew taħseb li jkollok il-kuraġġ tirribella?

Photo credit: Rodney Gauci

F’Rinoceronti nsibu lil Daniel Azzopardi bħala l-protagonist Berenger li narawh jaqleb minn imbeżża’ għal sfidat, iddisprat, frustrat, impotenti, jistmerr lilu nnifsu, għajjur u fl-aħħar mill-aħħar kompletament imdawwar bl-“epidemija” imminenti b’mod li l-udjenzi tista’ tirrelata miegħu mill-ewwel.

Il-produzzjoni tista’ tiftaħar ukoll b’atturi lokali oħrajn popolari: Andre Mangion, Antonella Axisa, Kim Dalli, Naomi Knight, Magda von Kuilenberg, Joe Depasquale, Anthony Ellul, Simon Curmi, Aaron Fenech, Daniela Carabott Pawley u Michael Mangion.

Rinoceronti jintwera mit-12 sal-15 ta’ Settembru fiċ-ċentru Esplora. Għall-biljetti u iktar tagħrif żur kultura.mt jew ċempel 21220255. Tista’ żżur ukoll il-sit.