Kapuċċin qed iterraq id-dinja jitkellem dwar l-AIDS

Fr Marcelo Monti mal wasla tiegħu fil-Peru

Fr Marcello Monti, Kapuċċin Brażiljan se jdur id-dinja bil-mixi u jitkellem dwar il-prevenzjoni tal-AIDS billi din il-marda ħaditlu lil oħtu meta kien għad kellha 10 snin.

Fl-aħħar 11-il xahar diġà mexa 3,600 mil u għadda minn sitt pajjiżi fl-Amerika Latina u issa se jmur fil-Quebec, fl-ewwel parti tal-vjaġġ tiegħu.

Il-Patri qed jimxi madwar 18-il mil kuljum u jġorr ħwejġu f’karretta. Ma jġorrx flus fuqu u jiddependi għalkollox fuq l-għotjiet u l-ospitalità tan-nies li jiltaqa’ magħhom fil-bliet u l-irħula li jgħaddi minnhom.

F’intervista mal-aġenzija tal-aħbarijiet CRUX, Fr Marcello qal li s’issa tliet darbiet biss ma kienx milqugħ u sfortunatament fit-tliet każi kienu qassisin. Iżda flok dwar dan, jippreferi jiftakar il-ħafna nies li laqgħuh f’darhom u offrewlu anke s-sodda tagħhom.

Il-qalb tajba tan-nies

“Matul dan il-vjaġġ, tgħallimt nafda fil-qalb tajba tan-nies u naf li dejjem se nsib min jistedinni fid-dar tiegħu”, qal il-patri.

Il-vjaġġ ta’ Patri Marcello beda f’Awwissu tas-sena li għaddiet meta għalaq 40 sena. Hu telaq minn Pelatos fil-Brażil u terraq l-Urugwaj, l-Arġentina, il-Bolivja, iċ-Ċilì u l-Perù.  Xi drabi kellu jħallas biex isib fejn jorqod minn flus id-donazzjonijiet li jingħata, drabi oħra raqad taħt tinda li jġorr miegħu. Normalment jivvjaġġa waħdu u kultant għal parti mit-triq jakkumpanjah xi Kapuċċin ieħor jew grupp ta’ żgħażagħ.

Kariżma Franġiskana

Hu jgħid li forsi minħabba l-kariżma Franġiskana, meta jkun waħdu jħossu marbut ħafna mal-ambjent u jieħu gost jiltaqa’ man-nies kull fejn imur. Hu ma jilbisx it-tonka ta’ Kapuċċin meta qed jivjaġġa għax jispjega li għal San Franġisk ta’ Assisi l-abitu kien il-libsa ta’ bniedem fqir. Iżda hu ma jridx ikun trattat b’mod differenti minn persuni oħra u għalhekk jilbes ħwejjeġ ordinarji biex ma jingħatax privileġġi.

Bħalissa hemm eluf ta’ nies mill-Venezwela jemigraw lejn pajjiżi fl-Amerka t’Isfel, jaħarbu mill-kriżi politika u ekonomika tal-pajjiż u jfittxu futur aħjar.  Il-patri ltaqa’ ma’ ħafna minn dawn.

“Darba wasalt f’belt fil-Perù u ndunajt li n-nies kienu qed jiċċassaw lejja.  Staqsejt lil wieħed raġel x’kien ġara u qalli li n-nies ħasbuni Venezwelan u beżgħu li se nisraqhom jew nitlobhom il-flus. Jien ma għidt lil ħadd li ma kontx Venezwelan għax ridt li nkun trattat sew mhux għax jien Brażiljan, imma għax jien persuna umana,” stqarr Fr Marcello.