Kapuċċin Amerikan se jkun beatifikat fit-18 ta’ Novembru

Il-fdalijiet ta’ Fr. Solanus Casey inħarġu mill-qabar tiegħu bħala parti mill-proċess kanoniku biex dan il-Patri Kapuċċin ikun beatifikat f’Novembru. L-iskop ta’ din l-eżumazzjoni, skont il-provinċja tal-Kapuċċini ta’ Detroit, fl-Istati Uniti, hu li jkun identifikat definittivament il-katavru u biex jinġabru minnu relikwi li mbagħad jintużaw biex ikun venerat wara l-beatifikazzjoni li se ssir fit-18 tax-xahar.
L-Arċisqof Allen Vigeron ta’ Detroit, ippresieda f’din iċ-ċerimonja li nżammet limitata għal ftit persuni fosthom tliet esperti mediċi li ngħataw l-inkarigu biex jeżaminaw il-fdalijiet tal-patri u jirrappurtaw dwar il-kundizzjonijiet tagħhom.
L-Arċisqof qal li ċ-ċerimonja kienet waħda sinjifikanti għalih li fiha rringrazzja lil Alla għall-għotja tas-servizz li Fr Casey ta’ lill-komunita u għall-eżempju li kien jagħti lill-poplu f’ħajtu. Iċ-ċerimonja tal-beatifikazzjoni se ssir fl-istadium ta’ Detroit u għaliha mistennija jattendu madwar 60,000 persuna.
Fr Solanus Casey li miet fil-31 ta’ Lulju 1957 kien saċerdot ta’ fidi qawwija, umilta’ u kompassjoni u ħadem għal 20 sena fil-komunita’ ta’ Harlem fi New York.  Fl-1924 intbagħat lura f’Detroit fejn daħal Kapuċċin u għen biex titwaqqaf dik li hi magħrufa bħala il-Kċina tas-Soppa tal-Kapuċċini li kienet titma mijiet ta’ persuni bil-ġuħ fi żmien id-“Depressjoni l-Kbira”.
L-Eżumazzjoni tal-fdalijiet ta’ kandidat għall-Qdusija hi formalita fil-proċess  tal-beatifikazzjoni li ssir taħt regoli stretti ħafna.  Wara li jinkiseb il-permess tal-Kongregazjoni għall-Kawża tal-Qaddisin fil-Vatikan u l-permessi meħtieġa mill-awtoritajiet ċivili tal-post, it-tebut inħareġ mill-qabar. Sar talb u wara l-Arċisqof Vigneron kisser is-siġill tal-inċira li kien hemm fuq it-tebut u żewġ xhieda identifikaw il-katavru. Esperti mediċi mbagħad intalbu jirrappurtaw dwar il-kundizzjoni tal-katavru.
Uffiċjali tal-Knisja mbagħad ġabru relikwi tal-ewwel u t-tieni klassi, fosthom biċċiet tal-għadam, xagħar, ħwejjeġ u oġġetti oħra li tpoġġew fi fliexken apposta biex jintbagħtu l-Vatikan fejn ikunu katalogati, identifikati u ppreparati biex eventwalment jitqassmu fil-knejjes wara l-beatifikazzjoni.