Kaptan akkużat li aggredixxa u weġġa’ ħaddiem fuq skuna tas-sajd

Kaptan ta’ 42 sena ngħata l-ħelsien mill-arrest wara li ċaħad li aggredixxa u weġġa’ ħaddiem fuq skuna tas-sajd.
Huwa ġie mixli li kkawża ġrieħi serji lill-ħaddiem Indjan, li beżżgħu u li kien riċediv.
Il-ħaddiem xehed li l-kaptan tah daqqiet ta’ ponn f’għajnu, f’rasu u f’sidru wara li ġibed ħabel bi żball.
Huwa qal li minkejja li ma setax jara minn għajnu, kien sforzat jibqa’ jaħdem fuq il-vapur.
Żied jgħid li meta d-dgħajsa waslet ix-xatt, kellu jibqa’ jaħdem, inaddaf id-dgħajsa u jittrasferixxi l-ħut fi trakk, qabel mal-Kaptan ħadu l-isptar.
Huwa qal li l-kaptan heddu, u qabad u mar fuq l-iskuna f’Marsaxlokk għax beża’ li jaqla’ xi daqqa ta’ ponn oħra.
Ir-raġel qal li sieħbu qallu biex imur Dar Papa Franġisku.
Min-naħa tagħha l-Qorti appuntat espert mediku biex jeżamina n-natura tal-ġrieħi li sofra u tat il-ħelsien mill-arrest lill-akkużat bil-patt u l-kundizzjoni li javza qabel ma jbaħħar.
Il-kaptan ġie ordnat iħallas depożitu ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ €2,000