Kappillan u Arċipriet ġdid u direttur ġdid għall-Moviment ta’ Kana

L-Arċidjoċesi ta’ Malta għadha kemm ħabbret il-ħatra ta’ kappillan u arċipriet ġodda u ta’ direttur ġdid għall-Moviment ta’ Kana.
L-Arċisqof Charles Scicluna ħatar lil Dun Mario Tong bħala Kappillan tal-Parroċċa tal-Immakulata Omm il-Knisja f’Tal-Ibraġ. Dun Mario Tong ħadem għal diversi snin f’Ġibiltà u fi New York minbarra f’diversi parroċċi f’Malta. Dan l-aħħar kien qed jaħdem mill-ġdid f’Ġibiltà b’servizzi fil-katidral u bħala kappillan tal-isptar.
L-Arċisqof ħatar ukoll lil Dun Karm Mercieca bħala Arċipriet tal-Parroċċa ta’ Santa Katarina Verġni u Martri fiż-Żurrieq. Dun Karm ħadem f’diversi parroċċi f’Malta, inkluż fl-aħħar snin, b’servizz fil-Parroċċa ta’ San Ġorġ Martri f’Ħal Qormi u bħala Assistent Direttur tal-Moviment ta’ Kana.
L-istess Moviment ta’ Kana issa għandu direttur ġdid, bin-nomina ta’ Mons. Charles Attard. Anke l-Mons. Attard ħadem f’diversi parroċċi f’Malta, fosthom bħala Arċipriet fil-Parroċċa taż-Żurrieq mill-2006 u bħala direttur spiritwali fl-iskola primarja taż-Żurrieq.
Il-Moviment ta’ Kana ilu iktar minn 60 sena jaħdem favur il-familja u r-relazzjoni taż-żwieġ bħala waħda dejjiema u miftuħa għall-ħajja. Jgħin lill-għarajjes iħejju għaż-żwieġ, lill-koppji jsaħħu ż-żwieġ u l-familja, u jieqaf mal-koppji meta r-relazzjoni tagħhom tkun f'diffikultà.