Kappillan Taljan ixejjen l-għajdut li 650,000 immigrant fil-Libja ġejjin l-Ewropa

Read in English.

Fr Mattia Ferrari, il-Kappillan tal-organizzazzjoni Mediterranea Saving Humans, iddeskriva r-rapporti li jgħidu li fil-Libja hemm madwar 650,000 persuna lesti li jħallu x-xtut Libjani bħala għajdut bl-iskop li jbeżża’.

Huwa stqarr li s-650,000 jirrappreżenta l-għadd ta’ barranin li hemm fil-Libja, li l-maġġoranza tagħhom qegħdin hemm biex jaħdmu. Enfasizza li dan in-numru sikwit jintuża sabiex jallarma lin-nies u biex ibeżża’ lill-qarrejja.

Rapporti tal-EU Observer u oħrajn investigattivi tal-ġurnalist Taljan Nello Scavo jaqblu ma’ dak li qed jgħid Fr Ferrari. L-artiklu miktub minn Nikolaj Nielsen fl-EU Observer jgħid ukoll li l-Libja għandha madwar 650,000 ħaddiem barrani.

Ittra tal-Gvern Malti mibgħuta lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea Josep Borrell fit-13 t’April issemmi n-numru 650,000. Il-Ministri Evarist Bartolo u Byron Gamilleri talbu għal għajnuna “imminenti u sostanzjali” b’rabta mal-kriżi tal-immigrazzjoni. L-ittra tgħid li aktar minn 650,000 immigrant qegħdin jistennew biex iħallu x-xtut Libjani lejn l-Ewropa.

Ilbieraħ il-Ministru Evarist Bartolo tenna l-appell tiegħu għall-għajnuna mill-ġdid.

Kriżi ġejja mill-inġustizzja u l-isfruttament”

L-artiklu tal-EU Observer jgħid li l-maġġoranza tal-immigranti fil-Libja huma immigranti ekonomiċi, imma hemm ħafna li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali, inkluż madwar 48,000 persuna li qegħdin ifittxu l-ażil u refuġjati reġistrati mal-Aġenzija tar-Refuġjati fi ħdan in-Nazzjonijiet Uniti (UNHCR). L-artiklu jgħid ukoll li ċ-ċentri ta’ dentenzjoni Libjani issa għandhom madwar 1,500 persuna miżmuma fihom, 5,000 inqas mis-sena li għaddiet. Madankollu, il-UNHCR wissiet li tistenna li n-numri jerġgħu jitilgħu peress li l-pandemija tal-coronavirus żiedet raġuni oħra għaliex in-nies għandhom jitilqu mil-Libja.

Fr Ferrari qal lil Newsbook.com.mt li s-sitwazzjoni kurrenti fil-Libja mhix kriżi tal-immigrazzjoni imma kriżi tal-ġustizzja globali li qed twassal biex in-nies jemigraw. Huwa spjega li l-isfruttament ekonomiku neokolonjali tal-ħaddiema huwa dak li qed iwassal għal tant immigrazzjoni, u jekk id-dinja ma tindirizzax din l-inġustizzja, miljuni ta’ nies se jkollhom jiċċaqalqu fl-10 snin li ġejjin.

Vjolenza, stupru u tortura

Il-Kappillan iddeskriva s-sitwazzjoni fil-Libja għall-immigranti. Qal li l-pajjiż huwa għaddej minn gwerra ċivili u partijiet minnu jitmexxew mill-militar. Jiġu traffikati l-fjuwil, id-drogi u l-armi. Is-sitwazzjoni għall-immigranti hi waħda terribli, stqarr Fr Ferrari, peress li l-milizja hija involuta fit-traffikar tal-bnedmin, kif żvela l-ġurnalist Taljan Nello Scavo mill-ġurnal L’Avvenire. Ħafna drabi, qal il-Kappillan, ikunu dawn il-milizji tat-traffikar tal-bnedmin li jieħdu l-kontroll tal-Gwardja tal-Kosta Libjana. Dawn jittrattaw lill-immigranti b’mod orribbli, bi vjolenza, stupru u tortura fil-kampijiet tal-konċentrament. Żied jgħid li dan kollu jiġri b’kompliċità ta’ pajjiżi oħra li jibqgħu jagħmlu għadd ta’ ftehimiet mal-Libja minkejja li jafu li l-Libja ma tirrispettax d-drittijiet umani.

Temm jgħid li l-Arċisqof ta’ Palermo xebbah il-kampijiet Libjani mal-kampijiet ta’ konċentrament tan-Nazisti, u dan hu dak li jiġri fil-Libja.