Filmat: Il-Papa jsemmi lill-Kappillan tal-ħabs f’Malta f’omelija

Il-Kappillan tal-ħabs, Fr Hayden Williams, li jinsab f’lockdown flimkien ma’ 130 uffiċjal tal-ħabs fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin irrakkonta dak li hu għaddej minnu lill-Amministratur Appostoliku ta’ Għawdex, l-Isqof Mario Grech. Il-Papa Franġisku semma din it-testimonjanza li bagħathielu b’imejl Mons. Grech, fl-omelija tiegħu f’Ħamis ix-Xirka.

Din l-istess testimonjanza semmieha fl-omelija tiegħu lbieraħ ukoll l-Isqof Mario Grech fil-Katidral tal-Assunta fir-Rabat Għawdex. Huwa spjega kif il-kappella tal-ħabs ġiet trasformata f’dormitorju u l-quddiesa m’għadhiex issir aktar. Qal li issa l-altar tas-sagrifiċċju sar is-sodod tal-ħaddiema mċaħħdin mill-familji tagħhom.

Il-kappillan qal li lemaħ demgħa f’għajnejn uħud minn dawn il-persuni. Spjega li hemm min minnhom għadu kif kellu tarbija ftit tal-ġimgħat ilu u issa qed ikollu jiċċaħħad mill-mara u mit-tarbija.

Il-Kappillan issa qed iqaddes kuljum, fid-9.30am u fit-3pm, f’diviżjonijeit differenti tal-ħabs, fuq il-mejda tal-ikel fejn jieklu l-priġunieri. Irrimarka li minkejja li l-kappella hija żarmata fil-ħabs, il-Knisja hija artmata. Qal li qed tintrama bl-Ewkaristija b’mod aktar minn qabel.

“Fil-qatra ilma li npoġġi fil-kalċi, inpoġġi wkoll id-dmugħ li jidher u dak li ma jidhirx biex bil-misteru ta’ dan id-dmugħ u l-inbid l-aħwa ta’ hawn ġew ikollhom sehem mill-faraġ ta’ Kristu kif huwa għandu sehem mit-tbatija tagħhom,” qal il-Kappillan.

Aqra l-omelija sħiħa hawn

L-esperjenza ta’ Fr Hayden issemmiet ukoll mill-Isqof Mario Grech waqt il-programm speċjali ta’ Newsbook Hour fuq 103. Fr Joe Borg mexxa d-diskussjoni bejn l-Isqof Grech, Dr Anna Vella, li taħdem ma’ persuni bil-vizzju tad-droga, dawk bla saqaf fuq rashom u prostituti, u Carmen Zammit, li studjat il-Vanġelu ta’ San Ġwann bħala parti mill-Masters tagħha fit-Teoloġija.

Aħna salvati bl-imħabba ta’ Ġesù – L-Isqof Grech

Waqt il-programm, l-Isqof Grech qal li m’għandna qatt ninsew li Ġesù Kristu salvana permezz tal-imħabba tiegħu lejn l-umanità. “Kristu kien konxju tal-passjoni li kien se jgħaddi minnha”, qal l-Isqof filwaqt li żied jgħid li kull meta ngħixu fi żminijiet diffiċli għandna niftakru u nsibu l-qawwa f’din l-imħabba.