Kappillan maqtul fil-Colombia

Fr Jhony Ramos li nqatel fil-Colombia l-ġimgħa li għaddiet

“Nitolbu l-Alla biex jilqa’ fid-Dar ta’ Missieru lil Father Jhony; nitolbu għall-konverżjoni ta’ dawk li qatluh u niċħdu kull forma ta’ vjolenza li thudded il-ħajja u d-dinjità tal-bniedem”.

 B’dan il-kliem, Mons Oscar Urbina Ortega, f’isem l-Arċidjoċesi ta’ Villavicencio fil-Colombia, ħabbar il-qtil vjolenti ta’ Fr. Jhony Ramos, Kappillan tal-parroċċa ta’ Ġesù tal-Ħniena li tinsab f’Comuneros fid-djoċesi ta’ Villavicencio, li seħħet fit-2 ta’ dan ix-xahar.

L-aġenzija tal-aħbarijiet FIDES irrappurtat li l-ewwel kumment tal-pulizija li qed jinvestigaw il-każ kien li s-saċerdot instab mejjet, b’idejh u saqajh marbuta, fid-dar parrokkjali. Hu aktarx kien vittma ta’ serqa billi dan l-aħħar kien organizza lotterija fil-parroċċa.

“L-ewwel sinjali juru li l-qassis kien fgat u mbagħad ngħata daqqa tajb b’oġġett iebes fuq rasu. Nittamaw li mill-awtopsja nsiru nafu aktar dwar dan il-qtil”, qal uffiċjali tal-pulizija li qed imexxi l-investigazzjonijiet dwar il-każ.

Erba’ xhur imexxi l-parroċċa

Fr Jhony hu t-tieni qassis li nqatel fil-Colombia din is-sena.  Hu kien bniedem maħbub minn kulħadd avolja kien ilu biss erba’ xhur imexxi l-parroċċa.

Iż-żona fejn seħħ id-delitt magħrufa bħala Cauca hi kontestata bejn l-armata, paramiltari u gwerrilleiri tal-Forza Armata Rivoluzzjonarja tal-Colombia.  èIllum, post il-gwerilleri ħaduh numru ta’ gruppi armati li qed jippruvaw jieħdu l-post fil-kontroll tagħhom. Dan għaliex fil-post hemm ħafna għelieqi kafè, li l-gruppi armati jridu jaħtfu taħt idejhom biex fihom ikabbru d-droga.

Il-Knisja Kattolika fil-Colombia minn dejjem kienet protagonista fit-talba biex l-Istat ikun preżenti fl-inħawi u jgħin fl-iżvilupp tagħhom.

Fit-3 ta’ April li għadda kien hemm inċidenti vjolenti f’Cauca fejn inqatel raġel u sitt oħra sfaw feruti serjament. Wara l-inċidenti, is-Sindku tal-post kien talab biex jiltaqa mal-President tal-Konferenza Episkopali bl-iskop li jitlob formalment il-medjazzjoni tal-Knisja biex jinbeda djalogu bejn il-komunitajiet indiġeni ta’ Cauca u l-President tal-Colombia.

Fil-15 ta’ Marzu li għadda, l-Knisja Kattolika, permezz tal-Isqof ta’ Popayan u l-Vigarji Apostoliċi ta’ Guapi u Tierradentro insistew fuq it-talba biex ikun hemm rikonċiljazzjoni u tinbena paċi vera fost il-poplu.