Kappillan ġdid għall-Parroċċa ta’ Santu Wistin tal-Belt

Read in English.

L-Arċisqof Charles Scicluna ta l-pussess tal-ħatra lil Patri Alexander Cauchi, Agostinjan, bħala kappillan tal-Parroċċa ta’ Santu Wistin, il-Belt Valletta.

Il-pussess tiegħu sar waqt Quddiesa li saret illum, fil-festa ta’ Santa Rita ta’ Cascia li kienet soru Agostinjana. Il-Quddiesa xxandret b’mod dirett fuq il-paġna ta’ Facebook u l-YouTube channel tal-Arċidjoċesi ta’ Malta, u ser tixxandar ukoll fil-5:30 p.m. fuq TVM2.

Patri Alexander Cauchi f’dawn l-aħħar seba’ snin ħadem fil-pastorali tal-parroċċa ta’ Santu Wistin fejn huwa jgħix mal-komunità Agostinjana. Il-parroċċa ta’ Santu Wistin fil-Belt tiġbor fiha madwar 1,360 persuna f’650 familja.

Huwa twieled fis-16 ta’ Ġunju 1971. Trabba San Ġiljan fejn irċieva l-edukazzjoni primarja. Huwa kiseb l-edukazzjoni sekondarja fl-iskejjel tal-Gżira, in-Naxxar u l-Imtarfa, u kompla l-istudji terzjarji fil-Fakultà tal-Filosofija fl-Università Pontifiċja Gregorjana ta’ Ruma, u l-istudji tat-Teoloġija fl-Università ta’ Malta. Il-formazzjoni reliġjuża tiegħu bdiet fl-1987 fil-Kunvent ta’ Santa Rita. F’Novembru tal-1994 irċieva l-Professjoni Solenni fl-Ordni Agostinjan. Ġie ordnat saċerdot mill-Arċisqof Ġużeppi Mercieca fit-18 ta’ Ottubru 1996 fil-Knisja Parrokkjali tal-Mosta u qaddes l-ewwel Quddiesa tiegħu fil-Parroċċa ta’ San Ġiljan. Patri Alex wettaq ħidma pastorali fil-qasam tal-vokazzjonijiet u serva wkoll bħala promotur vokazzjonali.