Kappillan f’Gaża jesprimi tħassib għax l-Insara qed jitilqu

Skont Fr. Mario da Silva, il-Kappillan tal-unika knisja Kattolika, fl-aħħar sitt snin in-numru ta’ Nsara jgħixu fil-Medda ta’ Gaża niżel minn 4,500 għal 1,000 minħabba l-kundizzjonijiet li fihom qed jgħixu.
In-nies ta’ Gaża jgħixu fi speċi ta’ ħabs miftuħ u ma jistgħux joħorġu mill-pajjiż. Ma jistgħux imorru jżuru lil qrabathom, la jistgħu jfittxu xogħol u anqas jixtru mediċini jew imorru fi sptarijiet tajbin barra minn Gaża.
Il-Medda ta’ Gaza hi art ta’ 141 mil kwadru u tagħmel parti mill-Palestina u fiha jgħixu 1.8 miljun persuna. Sa mill-2007 ilha mmexxija mill-partit Iżlamiku, Ħamas.
Kemm ilu l-Gvern tal-Ħamas, kemm Iżrael kif ukoll l-Eġittu għamlu imblokk ekonomiku u allura l-moviment ta’ nies u ta’ prodotti hu limitat, bl-iskop li jonqsu l-attakki bir-rokits sparati minn dan it-territorju fuq Iżrael.
Skont il-kappillan, in-nies għandhom provvista tal-elettriku għal tliet sigħat biss kuljum u hemm ukoll nuqqas ta’ ilma tax-xorb. Ħafna m'għandhomx xogħol u l-ftit li jaħdmu jridu jgħixu b’massimu ta’ $200 fix-xahar.
“Hawnhekk qisu ħabs. In-nies m’għandhomx flus u s-sitwazzjoni hi terribbli. Hawn faqar kbir”. Dan wassal biex ħafna Palestinjani Nsara telqu mill-pajjiż. L-Insara għandhom permess biex darba fis-sena, fi żmien l-Għid jew il-Milied, iżuru l-Art Imqaddsa u ħafna minnhom ma jirritornawx.
Il-qassis, bil-għajnuna ta’ xi sorijiet, qed jippruvaw iwaqqfu l-eżodu tal-Insara l-ewwel bit-talb u l-predikazzjoni u t-tieni b’għajnuna materjali billi joffru xogħol lil 30 żagħżugħ biex dawn ma jitilqux. Il-Knisja Kattolika tgħin ukol lill-Musulmani, li minnhom hemm xi 2 miljuni, għax dawn ukoll għandhom bżonnijiet kbar.
Din is-sena l-Gvern Iżraeljan ħareġ biss 300 permess biex l-Insara jżuru l-Art Imqaddsa fejn is-soltu kien joħroġ 700. Il-ftit permessi li ngħataw kienu lil tfal u xjuħ li fil-fatt ma jistgħux jivjaġġaw weħidhom u fil-fatt ftit ħafna kienu dawk li marru.
Il-Kappillan da Silva appella għat-talb għax Alla biss jista’ jibdel is-sitwazzjoni li jinsabu fiha dawn in-nies.