Kapitlu letterarju ġdid permezz ta’ Leli ta’ Ħaż-Żgħir

Mil-lum is-Sibt 16 ta’ Mejju, fl-4.15pm, TVM se jxandar l-addattament l-aktar riċenti tas-sensiela Leli ta’ Ħaż-Żgħir ta’ Ġużè Ellul Mercer bi produzzjoni ta’ Horizons u kitba ta’ Ġorġ Peresso u direzzjoni ta’ Albert Marshall.

Dan ir-rumanz kien fost l-aktar importanti fis-Seklu 20 f’Malta fejn l-awtur Ġużè Ellul Mercer kien fehem li kien wasal iż.żmien biex tieqaf il-kitba storiko-romantika u jibda kapitlu letterarju ġdid.

Bla dubju mil-lista ta’ pubblikazzjonijiet kollha ta’ Ellul Mercer dan hu l-iktar importanti u jqajjem bosta punti importanti bħall-influwenza qawwija tar-reliġjon, ix-xogħol, l-emigrazzjoni, l-isfruttament, is-solitudni, l-eżilju fir-ruħ u fiżiku u temi oħrajn.

L-awtur il-ħin kollu jitkellem fuq l-għeluq, il-moffa tas-soċjeta, il-kultura tad-dlam, per eżempju temi li jfakkruk f’Manwel Dimech.  Il-ktieb juri l-mewta minn ġewwa tal-karattru ewlieni li jispiċċa anti eroj.

Il-ktieb ingħata ħafna attenzjoni mill-kritiċi u l-istudjużi u hawn min isostni li dan hu l-ewwel rumanz  psikoloġiku fil-Malti.  Hawn min jgħid li din hija dikjarzzjoni xi ftit mgħaġġla.  Li hu żgur hu li Ellul Mercer kien prekursur ta’ dak li seħħ fis-Sebgħinijiet tas-Seklu 20 meta tibda l-kitba psikoloġika qawwija f’Malta u jibdew il-kontributi ta’ Frans Sammut u Trevor Żahra.

Din is-sensiela ixxandret għall-ewwel darba f’April tal-2012 iżda tibqa’ serje mistennija minn żmien għall-ieħor minn ħafna studenti li fil-fatt jistudjaw proprju r-rumanz ta’ Leli ta’ Ħaż-Żgħir.