Kapitlu ġdid fl-istorja tal-PN; il-Kunsilliera japprovaw l-istatut

Read in English.

Il-Kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista approvaw l-istatut il-ġdid tal-partit li kien deskrit bħala dak l-istrument li se jiftaħ kapitlu ġdid fl-istorja tal-PN.

F’intervent qasir fil-Kunsill Ġenerali, il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia rringrazzja lil Dr Louis Galea għax-xogħol li wettaq tul din is-sena li ilu fil-kariga afdata lilu biex iwettaq ir-riforma li kienet mitluba mill-Kap innifsu. Delia qal li Dr Louis Galea kellu “l-abbiltà li flimkien niskopru r-ruħ tal-PN”. Stqarr ukoll li skopra li dawk li kienu kkritikawh li qed iġib xi ħadd mill-passat tal-PN, “wasal biex b’entużjażmu ta’ żagħżugħ ikun strument biex inbdiet ir-riforma”.

Il-Kunsilliera dehru jivvutaw għall-emendi fid-Dar Ċentrali fi swali differenti minħabba d-direttivi tas-saħħa pubblika kif ukoll mil-lukanda Grand Hotel f’Għawdex għall-Kunsilliera Għawdxin.

Fost dawn l-emendi kien hemm dak li jafferma li hu partit tan-nies b’vokazzjoni li jservi l-interess tal-ġid komuni tal-poplu u li jaħdem b’risq id-dinjità umana u dik li jħaddan stqarrija ċara ta’ viżjoni inklussiva u twemmin mibnija fuq valuri li magħhom jistgħu jidentifikaw il-Maltin u l-Għawdxin kollha.

L-emendi amministrattivi servew ukoll biex il-PN jassigura governanza ta’ partit mibni bi strutturi li jesiġu d-djalogu, l-ħidma f’tim, l-etika u d-dixxiplina, l-organizzazzjoni, komunikazzjoni u l-attiviżmu, f’qafas ta’ checks and balances u bil-President tal-Kunsill Ġenerali mgħobbi li “ikun il-gwardjan tal-governanza tajba tal-istrutturi kollha tal-Partit”.

Fis-sessjoni tal-lejla, minbarra li ġew preżentati u adottati numru ta’ emendi kif ukoll ġie votat l-istatut il-ġdid, tkellmu Louis Galea, l-President tal-Kunsill Amministrattiv Carm Mifsud Bonnici, l-President tal-Kumitat Eżekuttiv Alex Perici Calascione u għalaq is-sessjoni il-Viċi Kap tal-PN għall-Affarijiet Parlamentari David Agius.

Il-Kunsill Ġenerali se jkompli jiltaqa’ nhar il-Ħadd li ġej fejn hu mistenni d-diskors tal-għeluq mill-Kap tal-PN Adrian Delia.