Kapital azzjonarju BOV: Minn €500 miljun għal €1 biljun

L-azzjonisti tal-Bank of Valletta approvaw emendi tal-Memorandum u l-Artikli tal-Assoċjazzjoni tal-Bank u żieda tal-kapital azzjonarju tal-kumpanija minn €500 miljun għal €1 biljun.
Fi stqarrija, il-BOV irrefera għal-Laqgħa Ġenerali Straordinarja li saret illum, u stqarr li ż-żieda fil-kapital azzjonarju hija suġġetta għall-approvazzjoni regolatorja.
Lill-azzjonisti, iċ-Ċermen tal-Bank, Deo Scerri, saħaq li l-BOV irid ikollu kapaċità akbar biex jassorbi livell ta’ riskju ogħla, minn dawk li jiffaċċjaw banek iżgħar. Żied jgħid li l-Bank jeħtieġ bafers ta’ kapital addizzjonali, li huwa ta’ importanza kritika.
Bħala bank importanti fuq livell domestiku b’impatt sinifikanti fuq l-istabbiltà finanzjarja lokali, BOV irid ikollu kapaċità akbar biex jassorbi livell ta’ riskju għola minn dawk li jiffaċċjaw banek iżgħar. “B’hekk, il-Bank jeħtieġ bafers ta’ kapital addizzjonali, li huwa ta’ importanza kritika għalina. Inkella, il-Bank mhux ser ikun f’pożizzjoni li jidħol għal investimenti ġodda, jissanzjona self ġdid jew iqassam id-dividend lill-azzjonisti", sostna l-bank.
Huwa għalhekk li l-Bank qed jippjana biex joħroġ 150 miljun ewro f’kapital azzjonarju ġdid matul it-tmintax –il xahar li ġejjin.