Kapijiet ġodda għal Monte Karmeli u Boffa

Aġġornat 09:00 PM
MFH

Il-Ministeru għas-Saħħa ħabbar li l-Isptarijiet Monte Karmeli u Sir Paul Boffa se jkollhom kapijiet eżekuttivi ġodda.

Fi stqarrija l-Ministeru qal li Dr Stephanie Xuereb ġiet appuntata bħala l-Kap Eżekuttiv il-ġdid tal-Isptar Monte Karmeli.

Dr Xuereb hija tabiba li tispeċjalizza fis-Saħħa Pubblika. Hija għandha MBA. Fl-aħħar snin ħadmet f’diversi oqsma tas-Saħħa Pubblika li jinkludu Health Care Standards, Policy Development and Implementation, Infectious Disease Control u Hospital Management. Fl-2014 hija kienet ukoll President tat-tim tar-Riforma tas-Servizzi tas-Saħħa Mentali.

Il-Kap Eżekuttiv uxxenti tal-Isptar Monte Karmeli, Stephen Sultana, se jkun qed jokkupa l-kariga ta’ Kap Eżekuttiv tal-Isptar Sir Paul Boffa. Sultana kien ilu jokkupa l-kariga ta’ Kap Eżekuttiv tal-Isptar Monte Karmeli għall-aħħar tliet snin. Huwa wkoll is-Sindku (PL) ta’ Santa Venera.

Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne rringrazzja lil Sultana għat-tmexxija tiegħu tal-Isptar Monte Karmeli, filwaqt li awgura lilu u lil Dr Xuereb għall-karigi l-ġodda tagħhom.

Stephen Sultana aggredit fi Frar 

Fi Frar li għadda sorsi ta’ Newsbook.com.mt kienu qalu li Stephen Sultana kien ġie aggredit minn persuna li taħdem l-isptar Monte Karmeli. Newsbook.com.mt kien żvela dan il-każ li dwaru l-Gvern ma kienx għamel stqarrijiet pubbliċi.

Fl-istess xahar il-Pulizija qalet li kien rapport magħha dwar allegat aggressjoni fl-Isptar Monte Carmeli.

“Il-Pulizija qed tinvestiga dan il-każ u mistennija tieħu passi kontra l-allegat agressur,” kien qal kelliem għall-Pulizija lil Newsbook.com.mt. It-tweġiba waslet disgħat ijiem wara li ntbgħatu l-mistoqsijiet.

Fil-21 ta’ Frar kelliema għall-Ministeru għas-Saħħa kienet ikkonfermat li Stephen Sultana ġie aggredit fit-13 ta’ Frar.

“Fuq il-każ sar rapport lill-pulizija u l-allegat aggressur ġie sospiż mix-xogħol,” qalet il-kelliema.

Fit-13 ta’ Frar il-Pulizija kelliem għall-Pulizija qal lil Newsbook li ma sar l-ebda rapport dwar dan il-każ.

L-Imħallef Emeritu Noel Cuschieri se jkun iċ-Chairperson il-ġdid tal-NCHFE

Intant l-Imħallef Emeritu Noel Cuschieri se jkun iċ-Chairperson il-ġdid tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla. In-nomina tiegħu kisbet kunsens unanimu fil-Kumitat Permanenti dwar il-Ħatriet Pubbliċi.

L-Imħallef Emeritu Cuschieri se jkun qiegħed jieħu t-tmun tal-Kummissjoni mingħand is-Sur Godfrey Vella.

L-Imħallef Emeritu Cuschieri twieled nhar il-21 ta’ Dicembru 1954, sar Avukat fl-1977 u nħatar Maġistrat fl-1985. Ġie elevat għall-Ġudikatura fl-2002 u serva wkoll bħala Imhallef fil-Qorti tal-Appell (Sede Superjuri).

Huwa kiseb degree ta’ Master of Law summa cum laude u serva bħala eżaminatur estern fi ħdan il-Fakultà tal-Liġi tal-Università ta’ Malta.