Kapaċi nsolvu l-problemi tat-traffiku – Delia

PN

Read in English.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista (PN) Adrian Delia qal li l-partit hu kapaċi li jsolvi l-problemi tat-traffiku.

Fi stqarrija, il-PN qal li Delia qal dan waqt attività għar-residenti tar-raba’ distrett elettorali. Delia qal li huma kapaċi jħarsu l-ambjent u jsolvu l-problemi tat-traffiku.

Adrian Delia qal li l-PN hu impenjat fi proċess ta’ djalogu u li ġie mħejji dokument ta’ qabel il-baġit. Il-PN qal li se jkun qed juri kif, bħala gvern alternattiv, se jkun qed jiffoka b’mod prinċipali fuq il-livell tal-għajxien tan-nies.

“Irrid Malta aħjar, Malta b’saħħitha fejn saħħet in-nies, u l-livell tal-għajxien tagħhom jiġu l-ewwel,” qal Delia.

Delia qal li l-Gvern “għadda romblu minn fuq ir-residenti ta’ Santa Lucija, bit-tqaċċit ta’ mijiet ta’ sigar”. Huwa qal li l-PN mhux kontra l-iżvilupp, iżda li dan l-iżvilupp irid isir bi pjan fit-tul.

Adrian Delia spjega kif l-għeluq tal-jogging track u l-open air gym u it-teħid ta’ madwar 4,000 metru kwadru ta’ art agrikola ma kenux meqjusa bħala sinjifikanti għall-ERA.