“Kap tal-Oppożizzjoni negattiv u tad-double standards” – PL

Il-Partit Laburista qal li d-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi naqas milli jitkellem fuq investigazzjoni li saret dwaru, li kien ilu jaħbi għal erba’ snin sħaħ u li għal Simon Busuttil "dan huwa aċċettabli għax ġej minn Deputat tiegħu”.
Fi stqarrija, il-Partit Laburista jgħid li l-Kap tal-Oppożizzjoni għandu kejl differenti għad-Deputati tiegħu u għal dawk tal-Gvern u għalhekk ma jistax jittieħed bis-serjetà.
Il-PL issokta jgħid li bil-kontra li sar fuq investigazzjoni li saret mill-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni, l-istess Kummissjoni li fiha hemm persuna li nnomina Simon Busuttil stess, intqal bl-aktar mod ċar li s-Segretarju Parlamentari Ian Borg ma wettaq l-ebda illegalità.
Il-Partit Laburista rrefera għalll-każ ta’ Dr Busuttil fejn l-ewwel ifaħħar lil Martin Scicluna għax esprima opinjoni tiegħu, iżda mbagħad ħareġ qatta’ bla ħabel kontrih għax tkellem dwar kif ma kinux qed jinbidlu l-liġijiet biex tkun akkomodata l-Università Amerikana f'Malta.
L-istqarrija ttemm tgħid li lil Dr Busuttil “rajnieh ifaħħar il-Qorti u wara li tiddeċiedi mhux kif ikun irid hu, joħroġ kontriha”.