Kap tal-Mafja arrestat qabel ma pprova jaħrab lejn Malta

Wieħed mill-kapijiet tal-Mafja, Aldo Gionta kien arrestat mill-pulzija lbieraħ filgħaxija f’Pozzallo, wara li kien se jitla’ fuq katamaran biex jaħrab lejn Malta.
Iben il-kap Mafjuż Valentino Gionta, ilu mfittex mill-pulizija għal aktar minn sena, u issa ġie trasferit għall-ħabs f’Ragusa.
Gionta, ta’ 42 sena kien akkumpanjat minn raġel u żewġ nisa.
Kellu fil-pussess tiegħu dokumenti foloz tal-identità u €1,000 flus kontanti.
Mhux l-ewwel darba li libes ta’ mara biex jevita l-arrest.
F’ittra li kiteb lill-ibnu fl-2008 qallu biex jitgħallem juża senter tat-tip Kalashniv, ħalli jagħtih struzzjonijiet aktar ‘il quddiem. Kiteb ukoll li jkollhom bżonn il-flus għall-avukati. 
Għadu mhux magħruf jekk Gionta kellux pjanijiet li jibqa’ Malta jew li jaħrab lejn l-Afrika.