“Daħlet fl-iskola tal-Birgu, telgħet fuq, u aggrediet lill-Kap”

Kap ta’ skola ddaħlet l-Isptar Mater Dei wara li ġiet aggredita minn nanna ta’ student, fl-uffiċju tagħha waqt il-qadi ta’ dmirijietha.
Fi stqarrija, il-Ministeru għall-Edukazzjoni spjega kif għall-ħabta ta’ 10:15am, in-nanna ta’ student tħalliet tidħol ġol-iskola primarja tal-Birgu mill-istaff, baqgħet tielgħa fl-uffiċċju tal-kap, fejn preżenti wkoll kien hemm l-assistenta kap. Jgħid ukoll li wara li laqgħuha aggrediet fiżikament lill-kap. Il-mara nħarġet mill-iskola immedjatament.
Il-Ministeru saħaq li każ bħal dan għandu jġib il-kundanna ta’ kulħadd, speċjalment minħabba li seħħ fi skola, il-post fejn jgħid li l-adulti għandhom jagħtu l-aqwa eżempju lit-tfal.
“Din it-tip ta’ aggressjoni mhix aċċettabli” – MUT
Fi stqarrija l-Unjin tal-Għalliema Maltin (MUT) ikkundannat din l-azzjoni u saħqet li din it-tip ta’ aggressjoni mhix aċċettabli.
L-MUT qalet li se teżiġi li jkun hemm investigazzjonijiet immedjati kemm mill-Pulizija, kif ukoll mill-awtoritajiet edukattivi sabiex jittieħdu l-passi neċessarji skont il-każ.
L-MUT sostniet li hemm bżonn ta’ miżuri ta’ sigurtà f’kull skola, liema miżuri tgħid li qatt ma ġew implimentati.
“Nikkundannaw il-każ bla ebda riżerva” – UPE
L-Unjin tal-Edukaturi Professjonali, il-Vuċi tal-Ħaddiema (UPE) ikkundannat mingħajr l-ebda riserva kull tip ta’ agressjoni lejn l-edukaturi.
Fi stqarrija, l-UPE qalet li hija tal-mistħija li l-mara li aggrediet lill-kap tal-iskola ma fittxitx mezzi alternattivi sabiex issolvi l-problema li kellha, iżda użat il-vjolenza.
Filwaqt li rrimarkat li dan huwa t-tieni każ fi ftit xhur, fejn edukatur ġie attakkat, l-Unjin qed tesprimi t-tħassib tagħha lejn l-awtoritajiet li fallew milli jieħdu azzjoni sabiex jipproteġu l-edukaturi fl-iskejjel statali. Insistew hemm bżonn jittieħdu miżuri mill-aktar fiss sabiex dawn it-tip ta’ inċidenti ma jibqgħux isiru.
Il-UPE staqsiet kif din il-qariba sabet iċ-ċans li tkun fiżikament preżenti fl-iskola mingħajr permess u jekk kinitx waħedha mal-Kap tal-Iskola.