Kap tal-carers f’dar tat-tfal meħlusa minn akkużi ta’ traskuraġni

Miguela Xuereb

Il-kap tal-carers f’dar tat-tfal ġiet meħlusa minn kull akkuża ta’ imġiba abbużiva u traskuraġni wara li l-prosekuzzjoni ma resqitx provi dwar dawn l-allegazzjonijiet.

Rachele Vella tressqet il-Qorti wara sensiela ta’ inċidenti li ġew irrapurtati lill-pulizija. Dawn l-allegazzjonijet kienu jinkludu li tfal li jgħixu fid-dar li tagħha Vella hija l-kap tal-carers kienu qegħdin jiġu traskurati.

Il-każ imur lura ħames snin meta lejliet l-ewwel tas-sena omm ta’ tlitt itfal li jgħixu f’din id-dar għamlet rapport l-għassa tal-Ħamrun li l-carers irrifjutaw li jixtru l-mediċina li kellu bżonn wieħed minn uliedha li kellu sentejn. Wara dan ir-rapport bdiet investigazzjoni dwar l-imġiba tal-carers. Fost ix-xhieda numru ta’ tfal tkellmu dwar in-nuqqasijiet li allegatament kienu qegħdin isofru.

Fil-Qorti nstema’ wkoll li kien hemm tfal oħra li qalu li Vella kienet waħda mill-persuni li minkejja ċ-ċirkostanzi għamlitilhom ħafna ġid u kienet hemm għalihom.

Għalhekk fis-sentenza tagħha l-Maġistrat Caroline Farrugial Frendo qalet li l-prosekuzzjoni ddikjarat li se sserraħ il-każ tagħha fuq ir-rapport tal-inkjesta maġisterjali iżda l-konklużjoni ta’ din l-inkjesta baqgħu qatt ma tressqu min-naħa tal-prosekuzzjoni.

Il-Maġistrat Farrugia Frendo lliberat lil Vella minn kull akkuża.