​Kap ta’ Skola tingħata twissija “għax pruvat tiffranka l-flus”

Il-Kap tal-Iskola Primarja Ta’ Sannat Pauline Grech irċeviet twissija bil-miktub ta’ azzjoni dixxipplinarja mid-Direttorat tas-Servizzi Edukattivi għax “kienet prattika u ppruvat tiffranka l-flus tal-iskola.”
Newsbook.com.mt hu nfurmat li l-Kap tal-Iskola ġiet imwissija għax ippruvat tieħu l-inizjattiva li ssolvi problema żgħira fl-iskola.
Infurmati li fl-iskola Ta’ Sannat mar id-dawl u Pauline Grech talbet l-għajnuna lill-ħaddiema li nzertaw qed jagħmlu xi xogħol fl-iskola stess. Dan minflok segwiet l-ordni mid-Direttorat li jinxtara apparat tal-elettriku ġdid, li skont l-Unjin tal-Għalliema (MUT) kienet se twassal biex jintefqu flus tal-iskola.
L-MUT talbet lill-Ministru tal-Edukazzjoni biex jinvestiga l-każ, ineħħi t-twissija minn fuq il-Kap u jieħu azzjoni kontra min mhux iħalli lill-Kapijiet tal-Iskola jkunu mexxejja proattivi.
Saħqet li kienet tistenna li uffiċjali għolja fid-Direttorat ifaħħru d-deċiżjoni tal-Kap tal-Iskola li sabet soluzzjoni alternattiva minflok berbqet fondi pubbliċi.
Żiedet tgħid li jidher li l-prijorità tad-Direttorat hi li tistenna li l-ħaddiema jsegwu l-istruzzjonijiet tagħha mingħajr mistoqsijiet.
L-MUT qalet li waqt taħdidiet mal-Ministeru dwar ftehim settorjali, semgħet ħafna kliem sabiħ u wegħdi dwar poter lill-Kapijiet u d-deċentralizzazzjoni tal-iskejjel.
Saħqet li madanakollu episodji farsiċi bħal dawn jikkonfermaw il-pożizzjoni tal-unjin li tkun kawta dwar it-tlellix li qed jiġi ppreżentat lilha.