Kap ta’ Skola aggredita; il-Gvern mistenni jżid is-sigurtà

Aġġornat 05:39 PM

L-Unjin tal-għalliema, l-MUT, ikkundannat aggressjoni li saret minn ġenitur fuq Kap ta’ Skola. Dan wassal għal reazzjoni mill-Gvern li filwaqt li kkundanna dan l-aġir qal li se jdaħħal uffiċjali tas-sigurtà fl-iskejjel fi żmien tliet snin.

Fi stqarrija, l-MUT qalet li hija infurmata li l-ġenitur aggredixxa b’mod vjolenti lill-Kap tal-Iskola wara deċiżjoni li l-istudent ma jitħalliex imur ħarġa tal-iskola meta kien marid b’ċertifikat mediku. Il-ħarġa kellha titħassar bħala prekazjoni.

L-MUT saħqet li fl-iskejjel għandu jkun hemm uffiċjal tas-sigurtà u fakkret kif il-Ministeru kien diġà alloka fondi għas-sigurtà fl-iskejjel iżda l-MUT qalet li dawn għadhom ma ntużawx. Fl-istqarrija, l-MUT ssemmi wkoll l-istudju li kien sar mill-Ministeru għall-Edukazzjoni dwar is-sigurtà fl-iskejjel u appellat lill-Gvern biex ma jinjorax dan l-istudju li ġie kkummissjonat minnu stess.

Ftit wara, il-Ministeru għall-Edukazzjoni fi stqarrija ħabbar li għaddejjin il-preparamenti biex jiddaħħlu uffiċjali tas-sigurtà fl-iskejjel tal-istat. Spjega li nħarġet “sejħa pubblika u li bħalissa qed tiġi evalwata u ġġudikata biex fuq pjan ta’ tliet snin l-iskejjel ikunu sorveljati aktar u aħjar”. Il-Ministeru stqarr li hu kommess li permezz ta’ din il-ħidma jiġu indirizzati dawn il-bżonnijiet biex każijiet ta’ aggressjoni fuq l-edukaturi ma jerġgħux jirrepetu ruħhom. 

Min-naħa tagħha, l-Unjin qalet li tinsab f’komunikazzjoni mal-Kap tal-Iskola u esprimiet is-sapport tagħha lill-edukaturi kollha. Temmet tgħid li jekk ma tittiħidx azzjoni, inċidenti bħal dawn se jibqgħu jsiru.