Kap PN: “Naħdem ma’ min ikun; Għandi riżervi dwar Frank Portelli” – Michael Briguglio

Is-soċjologu u eks Ċermen ta’ Alternattiva Demokratika Michael Briguglio, qal li ġaladarba tintemm it-tellieqa għal Kap tal-Partit Nazzjonalista, lest li jaħdem ma’ kull min ikun elett Kap.
Ma’ Newsbook.com.mt, Dr Briguglio spjega li sar membru tal-Partit Nazzjonalista qabel l-Elezzjoni Ġenerali li għaddiet, għax fi kliemu, dak kien “il-pass loġiku”, ladarba kien qed jappoġġja lill-Forza Nazzjonali.
Huwa saħaq li bħala tesserat jixtieq joffri l-għajnuna tiegħu lill-Kap il-ġdid, ikun min ikun, għalkemm wera riżerva għall-kummenti li għadda l-kandidat Dr Frank Portelli dwar l-immigranti.
Mistoqsi jarax xi kariga li jista’ jagħti kontribut fiha, Briguglio wieġeb fin-negattiv u qal biss li jista’ jgħin fl-oqsma tiegħu, jiġifieri tal-Kunsilli Lokali u fit-tfassil tal-politika.
“Ma neskludix li fil-futur noħroġ għall-Parlament; għalissa le”
Dwar jekk hux beħsiebu jikkontesta elezzjoni f’isem il-Partit Nazzjonalista, qal li jekk ikun aċċettat, se jikkontesta l-elezzjoni tal-kunsilli lokali fl-2019.
Kien aktar skjett dwar l-elezzjoni ġenerali u qal li għalkemm ma jeskludi xejn, jekk issir elezzjoni għada, ir-risposta tiegħu tkun le.
“Marlene Farrugia għamlet statements li ma kinux flokhom”
Tkellem ukoll dwar il-Forza Nazzjonali kontra l-korruzzjoni u saħaq li għadu jemmen li kienet l-aħjar triq.
Insista li minkejja li ma ġabitx ir-riżultat mixtieq, xorta waħda ġabet aktar pluraliżmu fil-Parlament.
Minkejja dan, ikkritika kummenti li għamlet fl-aħħar xhur id-Deputata Marlene Farrugia, fosthom li ma kinitx qed teskludi li toħroġ għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista u qal li “dawn ma tantx għamlulha ġid.”
Dwar ir-riżenja tagħha minn Kap tal-Partit Demokratiku, Briguglio qal li ma għandu l-ebda problema li Farrugia tiffoka l-attenzjoni tagħha fuq il-ħidma fil-Parlament. Fakkar kif fl-Ewropa hija xi ħaġa komuni li Deputati fil-Parlament ma jkunux kapijiet ta’ partiti u viċi-versa.
Temm jittama li bil-ħidma tagħha fil-Parlament, Marlene Farrugia turi verament x’issarraf.