Kap ġdid tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea fil-Belt Valletta

Elena Grech se tkun qed tokkupa l-pożizzjoni ta' Kap ġdid tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea fil-Belt Valletta minn Jannar li ġej.
Bħalissa Grech hija l-Kap tal-Unità fid-Direttorat Ġenerali tal-Politika Reġjonali u Urbana tal-Kummissjoni Ewropea fi Brussell.
Grech iggradwat mill-Università ta’ Malta bħala nutar Pubbliku u avukat.
Għandha aktar minn 20 sena esperjenza f’Affarijiet Barranin u fil-Politika Ewropea.
Bdiet taħdem mal-Kummissjoni Ewropea fl-2007 bħala uffiċjal legali fid-Direttorat Ġenerali tas-Suq Intern bir-responsabbiltà għall-implimetazzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni Ewropea dwar l-Appalti Pubbliċi b’mod partikolari f’Malta u fl-Italja, kif ukoll għall-politika ekoloġika dwar l-Appalti Pubbliċi.
Grech ħadmet ukoll fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin ta’ Malta bejn l-1995 u l-2006.
F’dan il-perjodu ħadmet ukoll fl-Ambaxxata ta’ Malta f’Bonn fil-Ġermanja u fir-Rappreżentanza Permanenti ta’ Malta għall-UE fi Brussell.
Kienet parti wkoll mit-tim responsabbli għan-negozjati li wasslu għad-dħul ta' Malta fl-UE, b'responsabbiltajiet speċifiċi għall-qasam tal-Ġustizzja u l-Intern kif ukoll għall-affarijiet ta' komunikazzjoni u relazzjonijiet mal-medja.