Kap ġdid għall-uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta

Read in English.

L-Uffiċju tal-Parlament Ewropew f’Malta issa għandu kap ġdid, Dr Mario Sammut. Fi stqarrija mill-Uffiċċju stess, kien spjegat li Sammut, li ilu jaħdem bħala uffiċjal fi ħdan l-Unjoni Ewropea u l-istituzzjonijiet tagħha għal 16-il sena, beda l-kariga tiegħu mil-lum.

Kien spjegat li fl-aħħar seba’ snin, Sammut kien jagħmel parti mis-Servizz Legali tal-Parlament Ewropew, fejn ħadem l-aktar fuq leġiżlazzjoni ekonomika u d-difiża tal-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew fil-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja. Aktar kmieni hu kien jaħdem għall-Kunsill tal-UE u l-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

L-Uffiċini tal-Parlament Ewropew jeżistu fl-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea. Huma l-ewwel punt ta’ kuntatt għaċ-ċittadini Ewropej u l-istituzzjonijiet Ewropej. L-irwol prinċipali tal-uffiċċju huwa li jinforma u jikkomunika lokalment l-impatt tax-xogħol leġiżlattiv tal-Parlament Ewropew fuq ħajjet in-nies. Dawn l-uffiċini jaħdmu wkoll mal-midja, awtoritajiet u istituzzjonijiet, NGOs u msieħba oħrajn biex flimkien jikkomunikaw u jippromwovu l-pożizzjonijiet u l-kampanji tal-Parlament Ewropew.

Dr Mario Sammut qed jieħu post Dr. Peter Agius li telaq mill-kariga tiegħu fl-2017 u lil Anna Zammit Vella li kienet qed isservi bħala Kap interim.