Kap ġdid għall-Komunikazzjoni tal-Vatikan

Il-ġurnalista Taljan Paolo Ruffini li nħatar Kap tal-Komunikazzjoni tal-Vatikan

Il-Papa Franġisku ħatar lajk bħala Kap tal-Komunikazzjoni tal-Vatikan, ftit xhur wara li Mons. Dario Vigano li kien imexxi dan l-uffiċċju rriżenja wara li allegatament kien involut fi skandlu billi ħoloq ‘fake news’.

Il-Kap tad-Dikasteru tal-Komunikazzjoni tal-Vatikan issa hu l-ġurnalist Paolo Ruffini li sa issa kien Direttur ta’ TV2000, l-istazzjon televiżiv tal-Konferenza Episkopali Taljana.  Qabel, Ruffini kien ħadem mar-Rai kif ukoll mal-gazzetta “Il Messaggiero”.

Sadattant, ilbieraħ filgħodu, l-Uffiċċju tal-Komunikazzjoni tal-Vatikan ħabbar il-programm taż-Żjara Appostolika li l-Papa Franġisku se jagħmel fil-Balkani bejn it-22 u l-25 ta’ Awwissu.  F’dawn it-tlett ijiem il-Papa se jżur l-Estonja, il-Latvja u l-Litwanja u jieqaf f’Tallinn, Kaunas, Riga u Vilnius.