Kap Eżekuttiv ta’ kumpanija f’Malta arrestat minħabba ħasil tal-flus

Il-Kap Eżekuttiv ta’ kumpanija f’Malta ġie arrestat fl-Italja b’rabta mal-ħasil tal-flus.
Ir-raġel, Taljan ta’ 38 sena minn Parma, ġie arrestat mill-Guardia di Finanza f’Modena waqt l-investigazzjoni tal-Pulizija Taljana msemmija “Last Drink” li tinsab għaddejja dwar falliment b’qerq u ħasil tal-flus. Investigazzjoni preċedenti, bl-isem ta’ “Barquiero”, għandha konnessjoni mal-aħħar ħidma tal-Pulizija Taljana.
Fil-jiem li għaddew, ir-raġel li huwa msemmi biss bħala “FC” kien qiegħed fl-ajruport ta’ Bologna jistenna li jtir lejn id-Dubai, però hemm sab lil Guardia di Finanza jistennewh.
Skont il-midja Taljana, FC huwa l-Kap Eżekuttiv ta’ Kumpanija bbażata f’Malta. Jidher li din il-kumpanija hija interessata fir-rotot tal-ajru lejn Belt f’reġjun partikolari fl-Italja.
F’Awissu li għadda ġew esegwiti numru ta’ ordnijiet ta’ kustodja fil-konfront ta’ Taljan ieħor, imsemmi bħala “LP” li huwa resident tal-Portugal. Kien hemm ukoll numru ta’ ordnijiet għal grupp li kien jispeċjalizza f’xiri ta’ kumpaniji li mbagħad kien ikollhom il-patrimonju tagħhom ‘iddevjat’.
Skont l-akkuża li qed jaffaċċja FC, li huwa mniżżel ukoll bħala residenti fl-Awstrija, huwa kien soċju moħbi fl-organizzazzjoni. Huwa maħsub li kien il-punt ta' referiment ma' LP f’din l-għanqbuta.
Skont il-midja, FC kellu diversi karozzi lusużi fosthom Bentley li huma mniżżlin f'isem netwerk ta' diversi kumpaniji kemm fl-Italja kif ukoll barra mill-Italja. Dawn il-kumpaniji huma attivi f'diversi setturi – mill-propjetà immobbli sat-trasport bl-ajru.