Kap Eżekuttiv ġdid għall-ERA

Dr Louise Spiteri inħatret bħala l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) mill-Bord tal-istess Awtorità.
Fi stqarrija l-ERA spjegat li Spiteri hija speċjalizzata fil-qasam tal-liġi ambjentali. Hija kienet tgħallem fl-Università ta' Malta fid-Dipartiment tal-Liġi dwar l-Ambjent u r-Riżorsi.
Spiteri studjat fl-Università ta' Malta, fejn fl-1999 ingħatat l-lawrja fil-Liġi u sentejn wara ingħatat l-Lawrja Magister Juris fil-Liġi Internazzjonali Pubblika. Fis-sena 2000 ingħaqdet mas-settur pubbliku bħala uffiċjal legali mad-Dipartiment tal-Ħarsien tal-Ambjent. F’din il-kariga, hija pparteċipat fin-negozjati tal-liġijiet tal-ambjent tal-Unjoni Ewropea (UE). Kienet ukoll is-Segretarja tal-Bord tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Iżvilupp Sostenibbli.
Fl-2003 ingħaqdet mal-korp Diplomatiku fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin.  Fl- 2005 hija ħadmet bħala avukat lingwistiku fil-Qorti tal-Ġustizzja Ewropeja. Fl-2007 hija bdiet taħdem fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali fejn kompliet taħdem fuq negozjati mal-UE u anke fuq ksur tar-regolamenti quddiem l-istess Qorti.
Bejn l-2011 u l-2013 ġiet innominata wkoll bħala l-President tal-Kunsill tal-Professjonijiet Kumplimentari għall-Mediċina (CPCM) u l-President tal-Kumitat tal-Appelli. Bħalissa hija membru tal-Forum tal-Esperti Legali Ewropej dwar l-Adattament tal-Bidla fil-Klima.