Kaos totali fit-traffiku – il-Kunsill ta’ Ħ’Attard

Kaos traffiku Kunsill Ħ'Attard
info@newsbook.com.mt

Il-Kunsill Lokali ta’ Ħ’Attard qal li jeżisti periklu għas-sewwieqa u dak li l-kunsill iddeskriva bħala ‘kaos totali’ minħabba xogħlijiet fit-toroq li, l-kunsill sostna, ma kienx konsultat dwarhom.

Fi stqarrija, il-Kunsill ilmenta dwar il-mod kif sar ix-xogħol fi Triq il-Linja fejn it-triq qed tingħata t-tarmak mill-ġdid. Skont il-Kunsill, ċertu inkonvenjenzi setgħu ġew evitati li kieku saret konsultazzjoni miegħu qabel ma’ bdew ix-xogħlijiet. Il-Kunsill saħaq li lanqas biss ġie infurmat kemm se jdumu għaddejjin ix-xogħlijiet.

“Twaħħlu tabelli b’nuqqas ta’ ħsieb”

“B’dispjaċir ngħidu li fl-ebda ħin il-Kunsill, wisq anqas ir-residenti, ma ġew infurmati rigward l-andament tax-xogħol kif ukoll kif se jiġi ddevjat it-traffiku. Twaħħlu tabelli b’nuqqas ta’ ħsieb fejn qed jindikaw rotot ġodda għal vetturi li jwasslu għal toroq one way bil-konsegwenza li qed isibu karozzi ġejjin mid-direzzjoni opposta. Dan wassal għal kaos totali u periklu għas-sewwieqa li jkunu qed jgħaddu minn ġewwa Ħ’Attard” qal il-Kunsill Lokali.

In-nies ma jafux fejn sejrin – residenta

Residenta frustrata bagħtet ir-ritratt mehmuż mal-artiklu lil Newsbook.com.mt. Iddeskriviet is-sitwazzjoni bħala waħda ta’ “kaos” ukoll. “Għadni kif għaddejt mill-inħawi ta’ din it-triq ewlenija. Traffiku staġnat minn kmieni dalgħodu jipprova jgħaddi minn Ħ’Attard” qalet ir-residenta. “In-nies mitlufa jingħaqdu fit-toroq u jsuqu perikoluż għax ma jafux fejn sejrin. F’liema ħinijiet qed jaħdmu l-uffiċjali?” żiedet tistaqsi. Kienet xettika dwar kemm qed ikunu ta’ għajnuna s-sinjali tat-traffiku. Qalet li s-sinjal “diversion” bilkemm jidher malli titla’ minn ħdejn San Anton.

Il-Kunsill jitlob spjegazzjoni

Il-Kunsill qal li talab għal spejgazzjoni qabel ma beda x-xogħol imma baqa’ mingħajr konsultazzjoni. Appella lil Transport Malta biex ikun hemm uffiċjali mill-aġenzija biex jgħinu lit-traffiku jimxi aħjar. Newsbook.com.mt bagħat numru ta’ mistoqsijiet lil Transport Malta dwar dan il-każ. L-Awtorità qalet li l-mistoqsijiet kollha kellhom isiru lil Infrastructure Malta.

Tniġġis f’Ħ’Attard

Skont l-għaqda Attard Residents Environmental Network (AREN) hemm livelli aktar għoljin ta’ tniġġis fl-arja ta’ Ħ’Attard u konġestjoni f’livell kritiku fit-toroq tal-madwar

Fi stqarrija maħruġa l-Ħamis li għadda, l-AREN qalet li Triq tal-Linja ngħalqet minħabba xogħlijiet li kienu qed isiru. Spjegat li f’każijiet bħal dawn hemm bżonn il-preżenza ta’ uffiċjali ta’ Transport Malta jew tal-Pulizija biex jidderieġu lis-sewwieqa. Żiedet tgħid li s’issa ma ttiħditx azzjoni dwar dan u appellat lit-Trasport Malta biex taġixxi.